Bħal-lum 12-il sena ilu Joseph Muscat daħal fil-Parlament għall-ewwel darba
Joseph Muscat, ilu 12-il sena fil-Parlament Malti - rapporti li t-tluq tiegħu anke mill-Parlament huwa imminenti
More in Politika
Joseph Muscat, ilu 12-il sena fil-Parlament Malti - rapporti li t-tluq tiegħu anke mill-Parlament huwa imminenti
Bħal-lum 12-il sena eżatt Joseph Muscat daħal fil-Parlament għall-ewwel darba bħala Kap tal-Oppożizzjoni, wara li kien rebaħ elezzjoni interna li ratu jgħaddi sew lill-George Abela, il-kontestant l-ieħor fl-aħħar parti tat-tiġrija għal Mexxej Laburista.
Rapport fuq is-sit Maltatoday jgħid illi r-riżenja tiegħu minn Deputat hija imminenti.
Muscat mexxa lill-Partit Laburista għall-akbar rebħiet li qatt kellu partit f'elezzjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija, bl-ewwel rebħa tasal fl-2009 fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Muscat sar Prim Ministru fl-2013, wara illi l-Partit Laburista kien ilu fl-oppożizzjoni prattikament mill-1987 għajr għal sentejn bejn l-1996 u l-1998. L-ewwel rebħa ta' Muscat kienet fl-2009 b'distakk ta' 35.000 vot u l-aħħar waħda kienet tal-2017 meta kiseb kważi 40,000 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista u 35,000 vot aktar mill-voti tal-PN u l-Partit Demokratiku flimkien. Dan tal-aħħar kien ingħaqad f'koalizzjoni mal-PN iżda ħareġ fuq l-istess isem.
Muscat mexxa diversi riformi, pero' spiċċa wkoll fl-akbar kontroversji biċ-Chief of Staff Keith Schembri tiegħu sal-ġimgħa l-oħra jkollu l-assi ffriżati fuq rapport ta' in kjesta maġisterjali illi jgħid illi hemm suspetti raġonevoli ta' ħasil ta' flus, minnu u Brian Tonna ta' Nexia BT. Il-kwistjoni tal-Panama Papers baqgħet l-akbar mazzra u għajn ta' kritika sakemm nhar is-17 ta' Ottubru inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia hemm Yorgen Fenech li qed jimplika lil Keith Schembri.
Kiern ikkritikat ukoll għall-kuntratt mal-VGH, il-ftehim tal-Kafè Premiere fil-belt Valletta u l-esproprijazzjoni ta' proprjetà fi Triq Zekka, l-Belt Valletta.
Minn naħa l-oħra Muscat huwa meqjus bħala Prim Ministru li mexxa lil Malta f'perjodu ta' tkabbir ekonomiku qawwi ħafna u titjib sinjifikanti fil-finanzi tal-pajjiż. Huwa wkoll mfakkar minn ħafna għad-drittijiet ċivili li daħħal għal persuni LGBTIQ, li kien ikkampanja favur id-divorzju u li biddel numru ta' liġijiet kif ukoll għal elenku ta' miżuri, bħal sistema ta' childcare b'xejn.
Huwa rriżenja minn Prim Ministru waqt li l-pajjiż kien maqbud f'tensjoni hekk kif l-għaqda Repubblika u Occupy Justice niżżlu lin-nies fit-toroq diversi drabi, bi protesti xi minn daqqiet kbar, li f'xi każi wkoll kienu mqanqlin u vjolenti. Eluf ta' attivisti Laburisti, minn naħa l-oħra, kienu qed jinġabru quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u anke hawnhekk kienet tinħass tensjoni u rabja kbira.
Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu f'Diċembru tas-sena l-oħra u f'Jannar li għadda kien elett Robert Abela minfloku.