Ilbieraħ, minn fost 2,574 test li saru, irriżultaw 37 każ ġdid ta' Covid-19, filwaqt li 43 pazjent ġew ikkonfermati mfejqa.
Dan ifisser li l-każi attivi komplew jonqsu biex issa f'Malta hawn 455 persuna marida bil-virus.
Il-każi tal-lum għadhom qed ikunu investigati.
Mill-każi mħabbra lbieraħ, reġa' kien hemm tliet każi f'residenza San Ġużepp. Kien hemm ukoll każ ta' kollega ta' pazjent li nstab pożittiv fil-jiem li għaddew u żewġ każi minn ġemgħat.
Għadd ta' każi oħra kienu qraba jew inkella persuni li kellhom kuntatt dirett ma' persuni pożittivi għall-virus.