Jibda jifforma l-ewwel pont għall-mixi tal-Marsa Junction Project
Il-Ħamis billejl, il-kuntratturi tal-Marsa Junction Project għalqu din it-triq t’10 korsiji biex ikunu jistgħu jgħollu u jpoġġu b’mod sigur l-ewwel nofs ta’ dan il-pont bi struttura mdendla minn arkati
minn Albert Gauci Cunningham
Infrastructure Malta poġġiet f’postha l-ewwel struttura tal-azzar li tagħmel parti mill-pont għall-mixi ġdid ta’ Triq Aldo Moro, il-Marsa.
Il-Ħamis billejl, il-kuntratturi tal-Marsa Junction Project għalqu din it-triq t’10 korsiji biex ikunu jistgħu jgħollu u jpoġġu b’mod sigur l-ewwel nofs ta’ dan il-pont bi struttura mdendla minn arkati (tied-arch bridge) fuq wieħed miż-żewġ torrijiet tal-ġnub tiegħu u kolonna fin-nofs. Il-pont huwa twil 59 metru u jiżen 70 tunnellata. Se jipprovdi konnessjoni eħfef u aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota bejn l-inħawi taċ-Ċimterju tal-Addolorata, il-Qasam Industrijali tal-Marsa u l-Marsa Sports Grounds fuq naħa tat-triq, u fl-inħawi t’Albert Town u s-Salib tal-Marsa fuq ix-xaqliba l-oħra. Se jgħaqqad ukoll il-faċilitajiet ġodda ta’ park and ride tal-istess proġett ma’ diversi waqfiet għall-karozzi tal-linja fil-viċin, tul ir-rotta tat-trasport pubbliku lejn ħafna lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-pont jagħmel parti minn netwerk ta’ bankini, korsiji u waqfiet siguri għall-karozzi tal-linja, korsiji għar-roti u faċilitajiet ta’ park and ride li Infrastructure Malta qed tiżviluppa madwar is-seba’ strutturi ta’ flyovers ġodda ta’ dan il-proġett ta’ €70 miljun, biex tiffaċilita konnessjonijiet eħfef u aktar siguri għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi bejn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, Ħal Qormi u nħawi oħrajn fil-viċin.
Bħalissa qed jinbena wkoll pont iqsar ta’ 32 metru li se jaqsam minn fuq Vjal Sir Paul Boffa, bejn Raħal Ġdid u l-Marsa. Il-kuntratturi tal-proġett ħadmu l-istrutturi kbar tal-azzar taż-żewġ pontijiet fit-Turkija s-sajf li għadda, qabel ġabuhom bil-baħar lejn il-Port il-Kbir, ftit ‘il bogħod mis-sit tal-proġett. Fl-istess żmien, ħaddiema oħrajn bnew l-erba’ torrijiet li se jkun fihom it-turġien u l-liftijiet li jwasslu għall-gvieret tal-pontijiet. L-itwal pont ta’ Triq Aldo Moro kien jeħtieġ li ssirlu wkoll kolonna tal-konkos fin-nofs bejn iż-żewġ karreġġjati tat-triq.
Ftit tal-jiem ilu, il-kuntratturi tal-proġett bdew jgħaqqdu l-ewwel parti miż-żewġ strutturi kbar tal-pont ta’ Triq Aldo Moro fuq l-art, bi tħejjija għall-operazzjoni li saret il-Ħamis billejl biex din ittellgħet f’postha. Iż-żewġ partijiet tal-pont bi gverta mdendla m’arkati huma twal 27 u 32 metru rispettivament. Dawn huma magħmulin minn 140 biċċa tal-azzar imwaħħla flimkien b’aktar minn 900 bolt tal-azzar.
Sadanittant, daqt jitlestew l-aħħar tħejjijiet biex Infrastructure Malta tiftaħ tliet strutturi ta’ flyovers oħrajn tal-Marsa Junction Project. L-istrutturi tal-flyovers ġodda jinkludu konnessjonijiet diretti lejn in-nofsinhar minn Triq Aldo Moro, il-Marsa, lejn Triq Giuseppe Garibaldi, Ħal Luqa, u Vjal Santa Luċija, lejn Santa Luċija u Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien. It-tliet strutturi tal-flyovers li tlestew is-sena l-oħra, u li temporanjament qed jintużaw bil-kontra fl-istess direzzjoni bħat-tlieta l-ġodda, sussegwentement
se jingħalqu għal ftit ġimgħat biex għall-aħħar xogħlijiet biex ikunu jistgħu jerġgħu jinfetħu fid-direzzjoni lejn it-tramuntana.
Fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tiftaħ ukoll is-seba’ struttura ta’ flyover, li tlestiet ix-xahar li għadda. Din se tgħaqqad il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija, li bħalissa hija magħluqa, lejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-inħawi fejn se ssir l-faċilità ta’ park and ride, u Triq il-Gvern Lokali fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi (fejn hemm iċ-Ċimiterju tat-Torok).
Vjal Santa Luċija kienet ingħalqet aktar kmieni din is-sena minħabba l-bini tal-mini ġodda ta’ taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, madwar kilometre bogħod mis-sit tal-Marsa Junction Project. Infrastructure Malta bniet mill-ġdid din it-triq u fetħet il-karreġġjata tan-nofsinhar tagħha x-xahar li għadda. Il-kareġġjata tat-tramuntana se terġa’ tinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin, flimkien mal-mina ġdida li se tgħaqqadha ma’ Triq Tal-Barrani.
Madwar din l-infrastruttura ġdida, Infrastructure Malta qed tifforma diversi żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar ġodda u erba’ xogħlijiet artistiċi kbar. Qed tibni żewġ ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħażna ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija ta’ dawn iż-żoni mħaddrin ġodda. Il-kuntratturi tal-proġetti qed ipoġġu aktar minn 13-il kilometru ta’ servizzi taħt l-art, fosthom pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma u katusi għad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita.
Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. Dan l-investiment jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, biex joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm bis-sistema ta’ traffic lights tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqos it-tniġġis tal-arja mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar.