Il-Kummissarju għas-Saħħa Charles Messina, kiteb lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, biex juri t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sostanzjali fil-każi ta’ Covid-19.
Fost oħrajn, il-Kummissarju saħaq li r-rakkomandazzjonijiet li qed joħroġ il-Ministeru, f’dan l-istadju mhumiex biżżejjed.
Għaldaqstant, il-Kummissarju qed jappella għal dawn il-miżuri:
- Spezzjonijiet il-ħin kollu u mingħajr avviż fir-ristoranti u anke jinħarġu multi
- L-ilbies tal-maskri jkun estiż anke għat-toroq u l-postijiet kollha fuq ġewwa (eskluż djar)
- Il-Pulizija jimmultaw lil dawk li ma jilbsux maskra
- Il-multi jitħallsu fi żmien 24 siegħa
- Ikun inkoraġġut it-teleworking
- Jinħarġu mill-ġdid avviżi legali li ħallew il-frott fix-xhur li għaddew.
Il-Kummissarju insista li l-Ministeru donnu ‘qed iserraħ il-kuxjenza’ billi jgħid li dawk li qed jitilfu ħajjithom qed ikollhom kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.
Fost oħrajn, il-Kummissarju wera t-tħassib tiegħu għax irċieva informazzjoni mingħand persuni, li ġew f’kuntatt ma’ persuni pożittivi għall-virus u li iżda ġew mċaħħda milli jagħmlu swab test sakemm jiżviluppaw is-sintomi.
L-ittra ġiet mibgħuta wkoll lid-Deputat Prim Ministru u Minstru għas-Saħħa Chris Fearne.