Intervista | 'Irrid nuri li l-politika tista' ssir tajjeb u b'integrità'
'Jiena għext ħajti ta’ attivist tal-Partit Laburista u nemmen li partit jibqa’ jagħmel suċċess sakemm il-membri fi ħdanu jibqgħu iħossuhom fil-qalba tal-proġett' - George Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista
minn Albert Gauci Cunningham
1 - Il-Partit Laburista qed jiċċelebra 100 sena minn meta twaqqaf. Kif qed jiċċelebra dan l-avveniment partikolari?
F’dan l-anniversarju speċjali rridu nimmarkaw il-kisbiet storiċi li mitt sena ta’ partit taw lill-ġens Malti. Partit, li bi prinċipju dejjem ħadem għall-minoranzi sa minn meta anke l-istess partit kien fost il-minoranza. Minkejja li għaddew mitt sena, irridu nzommu quddiemna dejjem l-għan li ghalih inħloqna. Meta nibet dan il-partit, li ssemmi biss li trid teqred il-faqar anqas biss kienet titwemmen. Min kien jemmen dak iż-żmien li seta’ jkollna edukazzjoni għal kulħadd, li tista’tipprovdi servizz tas-saħħa b’xejn lil kulħadd u toffri għixien diċenti. Dawn huma l-kisbiet li fuqhom inbena u ffurmaw lill-Partit Laburista.
Matul din is-sena ma rridux biss niċċelebraw il-kisbiet, infakkruhom u nimmarkawhom, imma kif qed isir il-Partit qed iħejji għal futur tiegħu. Qed inħarsu ‘l quddiem billi nġeddu l-partit fil-politika tiegħu u anke fl-operat.
2 - Liema tħoss li huma l-akbar kisbiet tal-partit f'dawn il-100 sena? Liema tħoss illi kienu l-akbar difetti u żbalji?
L-akbar suċċess tal-Partit Laburista kien li bena l-pern soċjali tal-pajjiż, mill-welfare state, għall-edukazzjoni obbligatorja u servizz tas-saħħa. Dan il-partit responsabbli għal passi kbar fl-ugwaljanza - bid-drittijiet lil mara li ġew b’reżistenza u anke liġijiet aktar riċenti li jippermettu lil kulħadd jgħix ħajtu mingħajr ma jkun diskriminat. Storja ta’ mitt sena hija twila wisq biex fiha jiġri kollox tajjeb, imma n-nuqqasijiet tlemħu kull meta l-istatut u l-konferenza ġenerali ma baqgħux jagħtu d-direzzjoni.
3 - Il-Partit Laburista huwa tradizzjonalment - il-partit tal-ħaddiem, taż-żgħir u tal-vulnerabbli. Imma dan bil-kliem biss? Taħseb li għadu jista' jissejjaħ partit tal-ħaddiema llum?
L-appoġġ elettorali li gawda f’elezzjoni wara l-oħra jixhdu li bħala partit fil-gvern huwa l-partit ta’ kulħadd. L-identità tal-partit li qabel kollox jagħżel li jwieżen liż-żgħir u lill-ħaddiem għadna konsonsanti magħha kif tixhed politika ekonomika mifruxa fuq snin li kkontribwixxiet ħafna għall-qabża li rajna fil-livell tal-għixien tal-maġġoranza tal-popolazzjoni. Il-ħaddiem gawda għax sab aktar xogħol u xogħol ta’ kwalità u sforz tkabbir li s’issa ppermetta li jiġi sostnut u mwessa’ programm soċjali b’saħħtu: minn ċentri ta’ servizzi soċjali, għall-enfasi fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, childcare b’xejn li fetaħ il-bieb għad-dinja tax-xogħol lil eluf ta’ ommijiet u l-qabża li saret fis-servizzi tad-diżabilità.
B’dan kollu flimkien ma’ miżuri maħsubin kemm fl-isfond tal-pandemija u baġit wara l-ieħor, nara sforz ġenwin biex ħadd ma jibqa’ lura. Jiena kburi nsejjaħlu l-partit tal-ħaddiem, kif dejjem għamilt.
4 - Il-Partit Laburista għadu miftuħ għal kull min huwa ta' rieda tajba? Għadek 'tista' ma taqbilx magħna, imma xorta tista' taħdem magħna? Jew issa saret 'min mhux magħna huwa kontra tagħna'?
Is-suċċess tal-Partit Laburista kien li m’għalaqx il-bibien, anzi fetaħhom, sema’ lin-nies u ma waqafx jisma’ lin-nies lanqas mis-siġġijiet tal-Gvern. Kien il-partit li fittex ir-rikonċiljazzjoni, fittex id-djalogu mill-oppożizzjoni u mill-Gvern u l-messaġġ tagħna u s-sinjali li nibagħtu ċertament li huma ntiżi biex dik il-pożizzjoni ma tinbidilx. Il-Prim Ministru Robert Abela qed juri li l-partit u l-Gvern qed iżommhom miftuħin għan-nies minn kull sfera tas-soċjeta’. Minkejja l-avvanzi li saru għad hawn inħawi u persuni fil-politika li jemmnu fid-diviżjoni u jaħdmu attivament biex ikun hawn il-firda. Din l-istil ta’ politika hija skaduta u għalhekk nemmen illi l-Prim Ministru qiegħed f’pożizzjoni iktar b’saħħitha, għax iwettaq politika li lesta tisma’, tirraġuna u fl-aħħar mill-aħħar jittieħdu deċiżjonijiet li huma mnebbħa biex jaraw pajjiż aħjar.
5 - Il-Partit Laburista kif qed iħares lejn l-organizzazzjoni tiegħu fil-futur. Jara futur għall-każini u Kumitati Lokali, per eżempju? Qed jesplora modi ġodda kif jikkomunika ma' ġenerazzjoni li qatt ma tmur każini u li tħossha diżilluża mill-politika?
Il-mod kif nikkomunikaw u fejn nilħqu lin-nies inbidel. Irridu nkunu konxji li llum mgħandekx pjazza fiżika biss, imma għandek eluf ta’ pjazez virtwali fejn issir id-diskussjoni. Irridu nkunu preżenti u nisimgħu anke f’dak il-livell.
Iva hawn persuni diżillużi imma miniex se nitfagħha fuq ġenerazzjoni jew oħra. Ir-realta’ hija li xogħlna jrid ikun li nidentifikaw min qed iħossu diżilluż mill-politika u nikkonvinċuh/a b’azzjonijiet li nieħdu mhux bid-diskors.
Min-naħa l-oħra, kull fergħa fil-Partit għandha l-importanza tagħha. Iċ-Ċentri lokali u l-kumitati lokali żgur mhux b’anqas. L-iskop u l-użu oriġinali tal-każini illum inbidel bħalma nbidlet il-ħidma kemm politika u anke soċjali li ssir mill-kumitati fil-lokalitajiet. Fl-istrutturi tal-partit bħalissa għaddejjin b’diskussjoni wiesgħa mal-istess kumitati sabiex ix-xogħol li jsir jibqa' jirrifletti l-bżonnijiet li jeżistu llum fuq bażi lokali u nġeddu l-mod kif naslu għand in-nies.
Konxji wkoll li hemm nies li ftit tinteressahom il-politika. Għalina l-opinjoni ta’ dawn in-nies hija importanti ħafna u qegħdin naraw li tal-inqas jifhmu l-ħidma tal-Gvern u l-Partit Laburista għall-ġid ta’ kulħadd. M'hemmx għalfejn jifhmu u jinteressahom mill-politika, l-importanti li jifhmu li għandhom sehem u jikkontribwixxu fil-pajjiż mill-pożizzjoni tagħhom, hi x'inhi.
Id-demografija tal-aħħar elezzjonijiet wriet li l-Partit Laburista qiegħed jasal għand il-ġenerazzjoni l-ġdida.
6 - Il-Partit beda jaħseb għall-isfidi elettorali li ġejjin? Kif se jaċċerta li jkollu kampanji effettivi u "jleqqu" bħal ma kellu fl-2013 u l-2017, fost oħrajn?
Partit ma jistax jiddistakka wisq ruħu mill-ħtieġa li jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-maġġoranza fi ftit tas-snin. Dak hu l-qafas li rridu nilgħabu fih u min jara ħafna ġid f’dan waqt li oħrajn jaraw id-deni. Fuq livell politiku widnejna miftuħin beraħ għar-rieda tan-nies, u komplejna nsaħħu u noħolqu strutturi ġodda biex la jasal il-ħin nersqu ’l quddiem bi programm b’saħħtu u relevanti. Il-lat finanzjarju jiddependi ħafna mill-membri u minn kemm jirnexxielna nżommu l-attività ħajja u n-nies qrib tal-Partit Laburista, inkluż fuq livell lokali. Meta nħares lejn is-suċċess li rnexxielna nagħmlu kull meta pubblikament dorna lejn in-nies għall-għajnuna finanzjarja, ninsab fiduċjuż ħafna f’kampanja effettiva, u kif.
Il-kampanji ħafna drabi ma jkunux ileqqu. Anzi jkunu sforz ħidma kollettiva ta’ mijiet ta’ nies. Forsi tinstema’ cliche’, imma mhijiex – l-ammont ta’ voluntiera li jagħtu kollox waqt kampanja elettorali huwa kbir. Allura t-tlellix f’kampanja ma jiġix mill-irfinar, imma jiġi minn kemm partit politiku għandu l-ħeġġa u n-nies it-tajbin li jaħdmu għal prinċipju.
7 - X'bidliet reali u tanġibbli qed iġib il-Mexxej Laburista preżenti Robert Abela?
Minkejja dan iż-żmien diffiċli li għaddej minnu l-pajjiż partikolarment minħabba l-effetti tal-pandemija mad-dinja kollha, il-Prim Ministru xorta jagħti preżenza tiegħu fil-Partit u fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Isib ħin jiltaqa’ ma’ fergħat, isib ħin għall-parteċipanti ta’ Lead u l-Fondazzjoni Ideat. Dak diġa’ jfisser ħafna u jagħti sens ta’ koeżjoni. Għad illi huwa preżenti, huwa mexxej li jagħti l-ispazju għall-ideat ġodda u għad-djalogu. Fil-fatt fil-konferenzi ġenerali tal-fergħat taż-żgħażagħ u n-nisa ħarġu ideat ġodda għad-diskussjoni u hu kien preżenti u ħeġġeġ li dawn id-diskussjonijiet ikomplu jitwessgħu f’dan il-partit ħaj bl-ideat.
Inizjattiva wara l-oħra li se nkunu qed inħabbru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkomplu juru kif il-partit qed jiġġedded, qed jimmodernizza u qed ikompli jsib mezz kif jiftaħ beraħ il-bibien għall-membri, għall-attivisti u għal kull min għandu x’jikkontribwixxi.
8 - Il-midja tal-partit - bħall-midja tal-PN - għadha vijabbli? Issir diskussjoni jew ikun hemm min jipproponi l-għeluq tal-istazzjonijiet tal-partiti. Jekk il-PN jaqbel li jagħlaq in-Net, inti taqbel li l-PL jagħmel l-istess?
Jiena nemmen fil-pluraliżmu. Niftakar żmien fejn il-Partit Laburista ma kellux biżżejjed fejn isemma’ leħnu. Ma nara xejn ħażin li partit politiku jkollu fejn iwassal il-messaġġ tiegħu bħalma għandha kull dritt li tagħmel kull organizzazzjoni oħra fil-pajjiż. Sakemm il-partit u l-istazzjon ikun qed isegwi l-liġi tal-midja bħal bqija tal-operaturi, min jemmen fil-pluraliżmu u f’demokrazija ma narax għaliex għandu jillimita l-libertà tal-espressjoni. Illum il-ġurnata hemm iktar minn mezz wieħed kif jitwassal il-messaġġ u xogħol partit politiku huwa li jwassal dak il-messaġġ. F’każ li mhux bi stazzjon, se ssir b’mezzi soċjali oħra kif isir fid-dinja kollha minn kull partit politiku. Stazzjon politiku taf liema naħa jxaqleb u allura hemm trasparenza fil-messaġġ li ħiereġ minn dak l-istazzjon.
9 - X'suċċess qed ikollhom inizjattivi biex iressqu kandidati ġodda lejn il-Partit Laburista?
Proprju għax m’għalaqniex il-bibien u għax qegħdin niġġeddu bil-fatti u mhux bil-kliem, il-Partit Laburista għadu qed jattira lejh nies li jridu jħallu l-marka tagħhom fuq il-futur tal-partit stess u tal-pajjiż. Hija xi ħaġa li timlini b’ħafna kuraġġ u fiduċja meta nara li l-partit jattira lejh u jiġbor ammont sabiħ ta’ żgħażagħ u nies ta’ professjoni. Hija din il-kwalità u din ir-rieda li tagħmel il-miri possibbli. Dan juri li konna u għadna relevanti u viċin ħafna tal-pubbliku.
10 - X'inhu l-legat li trid tħalli bħala Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista? X'inhuma l-miri tiegħek u x'se tagħmel biex tilħaqhom?
Qabel kollox irrid nuri li l-politika tista’ ssir u ssir tajjeb, bl-integrità. Għalhekk se nibqa’ nara li l-partit ikun eżempju ta’ tmexxija finanzjarja u amministrattiva trasparenti.
Jiena għext ħajti ta’ attivist tal-Partit Laburista u nemmen li partit jibqa’ jagħmel suċċess sakemm il-membri fi ħdanu jibqgħu iħossuhom fil-qalba tal-proġett. Fil-proċess ta’ tiġdid qed insaħħu l-organi kollha tal-partit u nagħtu l-akbar spazju lill-membri biex jikkontribwixxu fil-partit tagħhom.
Fuq kollox irrid nħalli partit rebbieħ.