L-MFA ħatja li kisret il-liġi u mmultata €47,000
Dan wara tkeċċija ta’ impjegat tagħha b’mod illegali u inġus
More in Politika
Dan wara tkeċċija ta’ impjegat tagħha b’mod illegali u inġus
Il-Malta Football Association (MFA) ġiet ordnata tħallas ftit inqas minn €47,000 wara tkeċċija ta’ impjegat tagħha b’mod illegali u inġust, f’deċiżjoni li qed titqies bħala waħda importanti fil-qasam tax-xogħol u relazzjonijiet industrijali. Kienet il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Wenzu Mintoff li f’Ottubru li għadda ma laqgħetx l-appell tal-MFA kontra l-eks impjegata tagħha, bil-konsegwenza li l-assoċjazzjoni se jkollha tħallas €46,800 f’kumpens. Pauline Basile Pace li kienet l-Assistent Personali tal-eks Preisdent tal-MFA Joe Mifsud, tkeċċiet mix-xogħol b’sempliċi ittra minn Norman Darmanin Demajo.
Minn deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali fl-2019 – ikkonfermata minn sorsi differenti li tkellmu mal-ILLUM – jirriżulta li t-tneħħija ta’ Pace kienet realment minħabba l-appoġġ tagħha lejn Mifsud u mhux lejn Darmanin Demajo, li meta tkeċċiet kien President tal-MFA. Hi tkeċċiet fuq kwistjoni ta’ xi ġranet leave mingħajr ħlas li ħadet f’Milied meta l-leave kien spiċċalha. Mingħajr twissijiet jew diskussjoni hi sabet ittra fuq il-mejda tagħha li fiha intalbet tippakkja u titlaq.
Huwa fatt magħruf fi ċrieki differenti tal-MFA li bejn Mifsud u Darmanin Demajo hemm relazzjoni ħażina ħafna.
It-Tribunal - f’deċiżjoni xejn sabiħa għall-MFA fl-2019 – qal illi Pace “meta kienet fl-impjieg sofriet minn trattament ħażin fuq il-post tax-xogħol, hija ġiet imwarrba mix-xogħol li kienet qed tagħmel u dan għar-raġuni biss għax kien hemm bidla fil-Presidenza tal-Assoċjazzjoni ... kif ukoll li t-terminazzjoni tal-impjieg tagħha kienet ġiet iddikjarata mit-Tribunal Industrijali li kienet inġusta u bi ksur tal-liġi.” Minħabba dan, fid-deċiżjoni tiegħu t-Tribunal, sostna fl-2019 illi jsib bħala raġuni valida li l-persuna in kwistjoni tirrinunzja milli tmur lura fl-impjieg.
Il-każ tat-Tribunal immexxi minn Harold Walls ordna l-ħlas ta’ €46,800 bħala kumpens. L-MFA appellat u aktar kmieni din is-sena tilfet l-appell.
Basile Pace kienet inizzjalment talbet għal kumpens totali ta’ €74,360 iżda t-Tribunal sab li xi raġunijiet tagħha għaliex ma kinitx sabet impjieg alternattiv ma kinux validi, għalhekk naqqset mill-kumpens proposti.
Sorsi mill-MFA li tkellmu ma’ din il-gazzetta esprimew r-rabja tagħhom hekk kif din id-deċiżjoni li sejħu “żbaljata u issa bil-provi” tfisser li l-assoċjazzjoni – u t-tmexxija preżenti li ma taħtix għal din id-deċiżjoni - trid toħroġ kważi €47,000 illi kieku kienu jmorru għand il-klabbs lokali