X’differenza qed jagħmel il-Parlament Ewropew lil Malta u lill-Maltin? L-ILLUM tistaqsi...
Matul din il-ġimgħa, l-gazzetta ILLUM niżlet fil-belt kapitali biex titkellem man-nies. Huma ġew mistoqija dwar l-ġudizzju tagħhom fuq il-Parlament Ewropew u s-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin...
minn Marianna Calleja
Fit-toroq tal-Belt Valletta din il-ġimgħa l-gazzetta ILLUM staqsiet lin-nies jekk fil-fehma tagħhom il-Parlament Ewropew hux qed jagħmel differenza, kemm jekk ta’ ġid, anke ta’ ħsara. Il-maġġoranza tan-nies wieġbu li huma kuntenti bil-ħidma tal-Parlament Ewropew għax qed jagħmel differenza reali lil pajjiżna. Uħud iżda kkritikaw il-Parlament Ewropew u qalu li d-differenza li qed jagħmel f’Malta mhix tajba daqs kemm jixtiequ. Kienu fil-minoranza, nies li qalu li ma jafux x’inhu jagħmel il-Parlament Ewropew u ma jafux x’inhu jagħmel għal-poplu Malti, fost l-oħrajn.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ madwar 20 persuna li l-Erbgħa filgħodu kienu deħlin għax-xogħol jew kienu fit-toroq tal-Belt Valletta.
Meta ġew mistoqsija jekk humiex kuntenti bis-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin, kienu fil-minoranza, kważi xejn, dawk li qalu li mhumiex kuntenti bix- xogħol li qed jagħmlu. Iżda kien interessanti l-fatt li xorta ma kienx hemm maġġoranza ta’ nies li qalulna li huma kuntenti sal-aħħar. Fil-fatt, l-akbar għadd ta’ nies li din il-gazzetta tkellmet magħhom wieġbu “skont min”. Dan iwassal lil wieħed biex jifhem li n-nies mhux kuntenti bis-sitt membri kollettivament, probabbilment riflessjoni tar-realtà polarizzata ta’ Malta. Għal darba oħra, kienu ftit dawk li ma kellhomx opinjoni jew tweġiba għal din il-mistoqsija.
‘Nemmen li hemm min jaħdem u xogħlu ma jidhirx’
Uhud minn nies li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-Parlament Ewropew qed jagħmel ħsara lil pajjiżna, iżda l-maġġoranza ma qablitx li qed jagħmel ħażin biss. Tabilħaqq kienu l-maġġoranza li qalu li l-Parlament Ewropew qed jagħmel ġid u anke ħażin.
Fost ir-risposti pożittivi dwar il-Parlament Ewropew, kien hemm min qal li ma għandu l-ebda dispjaċir bl-għażla li għamel fl-2019 meta għażel lil dawn il-membri biex jirrappreżentaw lil Malta fl-Parlament Ewropew. Kien hemm uħud li qalulna li l-MEPs kollha qed jaħdmu għal ġid ta’ pajjiżna u dan qed iġġib prosperità u abbundanza. Kien hemm min-naħa l-oħra, persuni li qalu illi minkejja li l-MEPs Maltin qed jaħdmu kollha kemm huma u anke flimkien qed itellgħu ammont sostanzjali ta’ xogħol, li qed jagħmlu mhux dejjem jidher.
Risposti negattivi kienu minimi, iżda kien hemm min tkellem fuq diversi ġrajjiet kurrenti li qed nisimgħu bihom bħalissa fejn l-Parlament Ewropew, skont dawn in-nies, mhux qed jieħu azzjoni jew saħansitra jiggrava s-sitwazzjoni.
Fost l-iktar ġrajjiet kurrenti imsemmija f’dawl negattiv kien hemm l-immigrazzjoni irregolari. Raġel partikolari li kien dieħel ix-xogħol weħħel fl-Ewroparlamentari Maltin filwaqt li insista “ili ċerti Membri Parlamentari huma wisq mitlufa jimmalafamaw pajjiżhom biex jgħinu sitwazzjoni li qed taggrava maż-żmien.” Persuna oħra lmentat fuq kif mhux sew li l-Parlament Ewropew, skont hi, “jiddetta anke kwistjonijiet minimi bħal l-użu tal-plastik li jintuża darba biss.”
Fost miżuri pożittivi li skont dawk li kelmu l-gazzetta ILLUM waslu għal ġid lil-Malta grazzi għall-Parlament Ewropew kien hemm għajnuniet finanzjarji/fondi u anke ugwaljanza bejn il-ġeneru. Mara li aċċettat li twieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta saħqet ili “bis-saħħa tal-Parlament Ewropew Malta daħlet liġijiet li jinkorraġixxu ugwaljanza u diversità b’risq kultura ferm ferm iktar demokratika.”
‘Il-battibekki kontra xulxin ma’ jgħinux’
Il-maġġoranza tan-nies qalu lill-gazzetta li mhumiex kuntenti bl-Ewroparlamentari kollha. Kien hemm min qal li jeħtieġ ikollna ferm iktar għaqda. Għadd ta’ nies qalu li jħossu li hemm kompetizzjoni bejn l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin, filwaqt li żiedu li “l-battibekki kontra xulxin ma’ jgħinux”. Kuntrarjament għal dan, kien hemm min qal li l-MEPs Maltin “għandhom determinazzjoni kbira u jaħdmu b’passjoni u hu għalhekk li forsi xi drabi jidħlu f’xi kontroversja.”
Oħrajn qalu li għandna inkunu iktar kburin bix-xogħol li qed isir mill-MEPs, fl-aħħar mill-aħħar “anke ġo familja ikollok it-tajjeb u l-ħażin” sostna raġel anzjan li inzerta kien bilqegħda quddiem il-bini tal-qorti..
Tajjeb li nfakkru li din hi d-disa’ leġiżlatura tal-Parlament Ewropew. L-Elezzjonijiet Ewropej saru l-aħħar f’Malta nhar il-25 ta’Mejju tal- 2019 u s-sitt Ewroparlamentari bdew bil-ħidma tagħhom f’Lulju tal-istess sena. Dak inhar ġew eletti Alex Aguis Saliba, David Casa, Josianne Cutajar, Miriam Dalli, Roberta Metsola u Alfred Sant. Dan ifisser li ġew eletti tlett membri nisa u tlett membri irġiel. Erba’ membri għal grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburita u żewġ membri għal grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani) f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dakinhar ħarġu jivvutaw 73% tal-popolazzjoni.
Fl-aħħar tal-2020, Miriam Dalli aċċettat li tkun magħżula fil-Kamra tad-Deputati wara li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tefa’ r-riżenja tiegħu mill-Parlament u b’hekk ċediet postha. Miriam Dalli, bħalissa hi Membru tal-Kabinett bħala l-Ministru għall-Enerġija, Intrapriżi u Żvilup Sostenibbli, filwaqt li Cyrus Engerer ħa postha fil-Parlament Ewropew.