'Il-Kunsill qatt ma ġie avżat dwar ix-xogħlijiet' - Sindku ta' Ħaż-Żebbuġ
Il-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ ma kienx infurmat bix-xogħol li qed isir f'Triq il-Fraxxunu, fiż-żona ta' Ħal Mula.
minn Marianna Calleja
Kmieni dalgħodu, ir-residenti ta' triq il-Fraxxunu, fiż-żona ta' Ħal Mula qamu mingħajr ma kienu infurmati li l-ġnien żgħir fl-istess triq se jinqered mill-Infrastructure Malta. Dan il-ġnien żgħir, li ilu jinħadem għal dawn l-aħħar 40 sena, sab ruhu taħt idejn l-Infrastructure Malta (IM) li sostniet li qed tagħmel dan ix-xogħol biex titwessa' it-triq.
Dan reġa' ikkonfermah mill-ġdid fuq il-paġna tiegħu, is-Sindku Malcolm Paul Galea, fejn qal ukoll li l-kunsill qed jiltaqa ukoll ma problemi ta' komunikazzjoni minn diversi għaqdiet u ministeri "ta' spiss". 'L-għan tiegħi hu li nara li l-affarijiet isiru sew, b'komunikazzjoni xierqa u fl-ahjar interess tar-residenti. Ma narax għalfejn kellu jkun hemm armata pulizija fuq il-post', qal is-Sindku.
Fl-aħħar, wara nofs ta' nhar telefonati, laqgħat u talb ta' riċerki biex nara x'inhuma d-dmirijiet u drittijiet tagħna...
Posted by Tabib Malcolm Paul Galea on Wednesday, 17 February 2021
Fuq il-post, flimkien mar-residenti li ġew mitluba jmexxu l-karozza b'xi ftit argumenti, kien hemm ukoll is-Sindku ta' din il-lokalità Malcolm Paul Galea flimkien ma' xi kunsilliera oħra. Fl-istess ħin il-Kunsillier indipendenti Steve Zammit Lupi ħa pożizzjoni kontra x-xogħlijiet ta' Infrastructure Malta li skontu qed isiru mingħajr permess. Il-kunsillier ħa postu fuq iċ-ċint hekk kif il-gaffef bdew iwaqqgħu l-ġnien u jkaxxru magħhom bosta xitel fosthom tal-ful u siġar tal-ħawħ.
Is-sit MaltaToday dalgħodu stess tkellem ma' Zammit Lupi li qal ili, “Ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni mill-awtoritajiet. Dan huwa att ta' arroganza li mhuwiex aċċettabbli. Anki jekk din hija art tal-gvern mhix sewwa li tagħmel ħaġa bħal din." Huwa tkellem ukoll fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook fejn b'rabja stqarr li "sa dan il-ħin u mument xorta għadni ma fhimtx l-bżonn ta' dan it-twessigħ!"
Fuq il-post kien hemm ukoll uffiċjali tal-pulizija mill-RIU biex jikkontrollaw residenti li pprotestaw. Is-sit illum.com.mt żar il-post fejn tkellem ma' Malcolm Paul Galea, Sindku ta' Ħaż-Żebbuġ. Hu qal li “l-Kunsill qatt ma ġie avżat dwar ix-xogħlijiet, iżda minħabba li l-art hi tal-gvern ma' jista jseħħ xejn biex jitwaqqaf ix-xogħol".
Dalgħodu l-gafef sebħu fi Triq il-Fraxxnu, fiż-żona ta' Ħal Mula f'Ħaż-Żebbuġ biex titwessa' triq residenzjali kwieta, b...
Posted by Steve Zammit Lupi on Wednesday, 17 February 2021
Moviment Graffitti, waħda mill-NGOs li mhux l-ewwel darba kritikaw lil Infrastructure Malta, qalu fuq Facebook li l-Kap Eżekuttiv tal-IM Frederick Azzopardi kien fuq il-post flimkien mal-uffiċjali tal-RIU. "Huwa qed juża l-pulizija biex jipproteġuh, meta l-uffiċjali għandhom ikunu qed jiddefendu liċ-ċittadini minn Azzopardi", qal il-Moviment Graffitti.
⚠️ BREAKING ⚠️ Bħalissa fi Triq il-Fraxxnu, Ħaż-Żebbuġ, Infrastructure Malta qed tkisser ġnien pubbliku biex twessa'...
Posted by Moviment Graffitti on Wednesday, 17 February 2021
Infrastructure Malta sostniet li x-xogħlijiet fi Triq Il-Fraxxnu bdew aktar kmieni din il-ġimgħa, permezz ta' permessi miksuba mit-Transport Malta. Tajjeb li ngħidu li Transport Malta huwa regolatur taħt l-istess ministru li għandu r-responsabbiltà għall-IM, Ian Borg. Infrastructure Malta qalet li ġiet kkuntattjata mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u r-residenti fl-2018, fejn talbu għall-għajnuna għal xogħlijiet fit-toroq li jistgħu jagħmlu Triq Il-Fraxxnu aktar aċċessibbli għar-residenti.
Ix-xogħlijiet huma mistennija li jżidu l-ispazju tat-triq b'madwar 50 metru kwadru. IM qalet li se tuża biss nofs l-art allokata għal dan il-għan li għaliha se tagħmilha aktar aċċessibbli għar-residenti filwaqt li tnaqqas l-impatt fuq ġnien privat fiż-żona biswit.
"Azzjoni kriminali oħra konra l-poplu Malti" - Arnold Cassola
Intant il-kandidat Indipendenti Arnold Cassola tkellem ukoll fuq dan il-proġett li ddiskrevih bħala "azzjoni kriminali oħra kontra l-poplu Malti". Cassola qal ukoll li l-fatt li Fredrick Azzopardi kien fuq il-post bil-protezzjoni tal-uffiċjali tal- RIU huwa abbuż mill-poter min-naħa tal-pulizija li qegħdin hemm "għas-servizz tad-delinkwenti tal-istat minflok jipproteġu ċittadini u residenti onesti."