Esklussiva | 'Kellimt lil 'Ivan' ... tajtu €10,000' - Yorgen Fenech f'Jannar tal-2019

Yorgen Fenech kien bagħat messaġġ lil xi ħadd mlaħħaq sew f'Kastilja lejn l-aħħar ta' Jannar 2019, wara li dan talbu jmexxi għal storja fuq The Times jew The Malta Independent.  U wieġbu hekk ....

Yorgen Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
Yorgen Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-gazzetta ILLUM dlgħodu żvelat illi għall-aħħar ta' Jannar 2019, persuna għolja sew fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet bagħtet messaġġ fuq il-Whatssapp lil Yorgen Fenech.  Din il-gazzetta hija infurmata illi fih dan qal lil Fenech biex imexxi 'l quddiem storja li tidher fuq The Times jew inkella The Malta Independent u li hija kontra kollega tiegħu stess fil-Gvern.  Din il-gazzetta tinsab infurmata illi Fenech kien bagħat jirrispondi u jgħid li kellem lil "Ivan" u kien ħaseb fih billi tah €10,000.  Mhux magħruf jekk fil-fatt dawn il-flus għaddewx minn Fenech għal għand "Ivan".

Dan il-messaġġ iżda jiftaħ tieqa fuq ir-rabta bejn Fenech u ġurnalist mit-Times of Malta, li din il-ġimgħa reġa' ssemma' fil-Qorti meta l-Ispettur Keith Arnaud qara messaġġi tal-Whatssapp bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech, nhar id-19 ta' Novembru 2019 - jiġifieri ġurnata qabel ġie arrestat - illi fihom l-akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jgħid lil zijuh:  "‘Portomaso Marina hawn Ivan tat-Times."

F'messaġġ ieħor li qara Arnaud - l-investigatur ewlieni fil-qtil -  Fenech ippreċiża: "Ivan qalli jiena għax kien fin-newsroom u semagħhom jgħidu."

Fit-tielet messaġġ lil zijuh Ray jgħid illi Ivan qallu li jidher illi xi ħadd mill-appartamenti (Portomaso) kien għadda xi informazzjoni lill-pulizija.

Dak iż-żmien The Times kienet timpjega żewġ persuni bl-isem 'Ivan':  Ivan Camilleri u Ivan Martin.  Camilleri kien tkeċċa minn xogħolu l-għada li l-istess (Dakinhar Spettur) Arnaud qal fil-Kumpilazzjoni tal-Evidenza, illi Yorgen Fenech kien infurmat dwar l-arrest tiegħu minn ċertu "Ivan mit-Times."

Minn naħa tiegħu Ivan Martin ċaħad bil-qawwa allegazzjoni li saret fuq il-midja soċjali illi l-'Ivan' fil-fatt huwa hu.  "Jiena qatt ma kkomunikajt ma' Fenech ximkien viċin id-data tal-arrest tiegħu.  Qatt ma ddiskutejt l-assassinju ta' Caruana Galizia ma' Fenech u l-uniku komunikazzjoni li kelli miegħu kien xhur qabel il-lejl tal-arrest," sostna Martin.  Huwa kompla jspjega kif malli sema' bix-xhieda dwar "Ivan tat-Times" hu mill-ewwel offra aċċess sħiħ għat-tagħmir kollu li huwa juża' għall-komunikazzjoni fi "trasparenza sħiħa," sostna.

Ivan Martin
Ivan Martin
Ivan Camilleri
Ivan Camilleri

Dan huwa biss wieħed mill-eluf ta' messaġġi li l-pulizija Maltija għandha f'idejha u li qed tinvestiga .  Kienet il-gazzettaILLUM ukoll lura fis-6 ta' Settembru 2020 li żvelat kif kienu għaddew eluf ta' messaġġi ta Yorgen Fenech lejn diversi persuni pubbliċi..

Ivan Camilleri - magħruf għar-rapurtaġġ aħrax kontra l-Partit Laburista u l-Gvern preżenti -  kien ukoll involut f'każ ta' serq mis-Supermarket Valyou, storja żvelata mill-gazzetta Maltatoday u kkonfermata mill-persuna li tmexxi l-istess supermarket.  

Ray Mintoff kien qal illi Camilleri kien ħallas madwar €5,000 mit-€12,000 dejn li għamel għal prodotti li seraq.

Għalkemm l-Edituri u t-tmexxija ta' The Times għall-ewwel appoġġjat lil Camilleri, iktar tard meta deher iktar ċar li l-istorja tal-Maltatoday kienet veritiera huma ħadu lura l-appoġġ li kienu taw lil Camilleri.

Ivan Camilleri jwieġeb:  Qatt ma kellu offerta ta' flus, qatt ma ltaqa' ma' Keith Schembri u mhux vera seraq

Intant Camilleri permezz tal-avukat tiegħu Peter Fenech sostna li hu qatt ma ġie mitlub mis-sur Yorgen Fenech sabiex jippublika xejn fuq ħadd.  "Ivan Camilleri qatt kellu offerta la minn Yorgen Fenech u lanqas minn haddieħor sabiex jitħallas ewro jew aktar għax-xogħol ġurnalistiku f’ dawn l-aħħar tletin sena."

Fir-rigward tal-informazzjoni li ħarġet fil-Qorti u reġa' sostna illi hu "qatt ma ta’ l-ebda informazzjoni jew ħjiel la lil Yorgen Fenech u lill-ebda persuna oħra matul il-karriera ġurnalistika tiegħu.  Ivan Camilleri jfakkar lill-qarrejja li din l-insinwazzjoni wasslet għall istituzzjoni minn Ivan Camilleri ta’ tlett proċeduri ta’ lilbell konra l-gazetta Illum u l-Malta Today."

Camilleri qal li qatt ma kellem lil Keith Schembri fl-OPM la personalment u lanqas permezz ta’ xi mezz ta’ komunikazzjoni u finalment sostna li fir-rigward ta' serq minn supermarket, "qatt ma seraq xejn minn imkien u li jemmen li fi żmien qarib mal-konkluzjoni tal-proċeduri ta’ libel, tkun kkonfermata l-verità kollha."

 

More in Politika