Il-Professur Alfred J. Vella maħtur mill-ġdid Rettur tal-Università ta’ Malta

Il-mandat il-ġdid jibda uffiċjalment nhar l-1 ta’ Lulju 2021

Alfred J Vella
Alfred J Vella

Il-Professur Alfred J. Vella reġa’ nħatar mill-Kunsill bħala Rettur tal-Università ta’ Malta, u se jkun qed imexxi l-Università ta’ Malta għal mandat ieħor ta’ ħames snin.

Dan qed jitħabbar wara li żewġ kandidaturi kienu ġew sottomessi mill-membri tal-Kunsill qabel l-iskadenza tan-nomina, dik tal-11 ta’ Marzu 2021.

Il-Prof. Vella nħatar waqt laqgħa straordinarja tal-Kunsill Universitarju li tlaqqgħet illum fil-Kampus tal-Belt.

Il-Prof. Vella ġie elett b’vot meħud mill-membri tal-Kunsill wara li ż-żewġ kontestanti għamlu preżentazzjoni dettaljata dwar il-ġejjieni tal-Università.

Il-mandat il-ġdid jibda uffiċjalment nhar l-1 ta’ Lulju 2021.

Il-Prof. Vella twieled Bormla f’Novembru tal-1950. Iggradwa b’B.Sc. fl-1971 u b’M.Sc. fl-1975 mill-Università ta’ Malta, filwaqt li kiseb Ph.D.

fil-Ġeokimika Organika fl-1984 mill-Colorado School of Mines.

Wara li ngħaqad mal-Università ta’ Malta fl-1987, meta beda r-riċerka tiegħu fil-qasam tal-Kimika Ambjentali, Prof. Vella serva għal bosta snin bħala Kap tad-Dipartiment tal-Kimika u Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza. 

Serva bħala Prorettur għall-Affarijiet Akkademiċi għal 10 snin u wara nħatar bħala l-81 Rettur tal-Università ta’ Malta.

More in Politika