Malta bħalissa tinsab f'diskussjonijiet mar-Renju Unit - l-akbar suq turistiku għal pajjiżna - għal ċertifikat tal-vaċċin komuni bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan fid-dawl ta' diskussjoni li baqgħet għaddejja sa dalgħodu stess fil-Parlament Ewropew u li qed titratta d-Digital Green Certificate tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tiegħu persuni jistgħu jivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor.
Kien il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo li ħabbar dan illejla fil-Parlament. Filwaqt li fakkar illi ċ-ċertifikat se jkun aċċessibbli permezz ta' kodiċi, fakkar ukoll li persuna se jkollha id-data tal-ewwel u t-tieni doża u li ċ-ċertifikat ikun validu wara 10 ijiem mit-tieni doża.
Fl-2019 kienu ġew Malta b'kollox 649,624 turist mir-Renju Unit - skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika - biex dan baqa' l-akbar suq turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu għamilha ċara li jekk id-diskussjoni dwar id-Digital Green Certificate tibqa' ttawwal u l-Kummissjoni Ewropea ma tiddeċidix, Malta tmexxi bi ftehim bilaterali simili ma' pajjiżi oħrajn.
Il-Gvern ħabbar ir-rilaxx tal-ewwel miżuri iktar kmieni dan ix-xahar waqt konferenza illi fiha ħabbar ukoll li l-1 ta' Ġunju hija l-mira tal-Gvern biex Malta terġa' tiffaċilità t-turiżmu lejn il-pajjiż.
Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM żvelat il-lista ta' linji tal-ajru li se jkunu qed joperaw fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta dan is-sajf - bl-Air France u Fly Dubai jtiru minn pajjiżna għall-ewwel darba. Il-Linja tal-Ajru Turkish Airlines - meqjusa bħala waħda mill-akbar linji tal-ajru fid-dinja se tibqa' topera, iżda l-Qatar Airways sa issa ma jidhirx li se jkunu qed joperaw minn Malta.