Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkun qed iħabbar ir-rilaxx ta’ aktar restrizzjonijiet.
Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-isptar Mount Carmel fejn ġiet inawgurata sala ġdida għall-pazjenti.
Fearne saħaq li hekk kif il-każi baqgħu baxxi, kif ippjanat, nhar it-Tnejn se jkunu qed jiftħu r-ristoranti u l-isnack bars, fost oħrajn, filwaqt li fil-jiem li ġejjin se jingħataw aktar dettalji dwar ir-rilaxx ta’ miżuri oħra.
Fil-fatt, mit-Tnejn se jkunu qed jiftħu r-ristoranti, il-kafetteriji u anke l-isnackbars, anke jekk għalissa se jkunu jistgħu jservu biss lin-nies sal-5pm. Wara jkunu jistgħu jservu take-away.
Għalissa l-bars u l-clubs se jibqgħu magħluqa.
Mit-Tnejn se jinfetaħ mill-ġdid Għawdex u se jkompli wkoll xi sports.
Se jibqgħu fis-seħħ restrizzjonijiet bħalma huma l-ilbies tal-maskri u anke d-distanza soċjali filwaqt li se jibqa’ l-limitu ta’ erba’ persuni fuq barra u ta’ erba’ households f’residenzi privati.
Dwar il-vaċċin, Fearne qal li issa madwar 55% tal-Maltin ħadu mqar l-ewwel doża. Mil-lum fil-fatt bdiet ir-reġistrazzjoni għal dawk li għandhom aktar minn 30 sena.
25% tal-popolazzjoni issa ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin.
Fil-jiem li ġejjin se tibda tingħata wkoll it-tilqima tal-Johnson & Johnson li mistennija tħaffef aktar il-proċess.