Maġġoranza relattiva ta’ persuni li wieġbu sondaġġ ta’ Polar-Mediatoday qalu li ma jaqblux ma’ dak li jgħid il-Kodiċi Kriminali, jiġifieri li nisa li jkunu għamlu abort, jistgħu jeħlu sa tliet snin ħabs.
Fil-fatt, 46.8% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li ma jaqblux li nisa li jkunu waqqfu t-tqala jispiċċaw il-ħabs.
Is-sondaġġ sar bejn is-26 u t-30 ta’ April bejn 651 persuna madwar Malta u Għawdex. Dan ifisser li s-sondaġġ sar qabel il-mozzjoni ppreżentata mid-Deputata Marlene Farrugia għad-dikriminalizzazzjoni tal-abort.
Hi qed tipporponi li jitneħħa Artiklu 241(1) tal-Kodiċi Kriminali, li tagħmilha illegali li persuna tiffaċilità it-tmiem ta' tqala u li sal-lum tista' tfisser tliet snin priġunerija għal mara.
Il-mozzjoni ta' Farrugia qed titlob ukoll li Artiklu 242, li jżomm persuna li tassisti abort responsabbli u miftuħa għal piena ta' qtil jew li kkawżat ġrieħi fuq ħaddieħor, jitneħħa. Il-mozzjoni qed titlob ukoll li Artiklu 242 u 243(a) ikunu sostitwiti b'10 snin priġunerija kontra xi ħadd li jkun wettaq abort kontra r-rieda tal-persuna, "b'mezzi vjolenti, b'forza, qerq jew theddid.”
Qed issostni wkoll li l-ebda tabib jew professjonist m'għandu jiffaċċja proċeduri kriminali għall-assistenza medika lil persuna li tixtieq tagħmel l-abort.
F’dan is-sondaġġ riċenti, dawk li ħadu sehem kienu mistoqsija jekk jaqblux li mara tista’ teħel sa tliet snin ħabs jew twaqqaf it-tqala tagħha u anke jekk professjonist mediku li jassisti abort, għandux jeħel sa erba’ snin ħabs.
Filwaqt li 46.8% qalu li ma jaqblux li dawn in-nisa jispiċċaw il-ħabs, 14.7% qalu li ma jafux. 38.7% jaqblu li mara teħel il-ħabs jekk twaqqaf it-tqala.
Mill-banda l-oħra, fejn jidħlu l-professjonisti mediċi, l-istampa tinbidel, hekk kif 55% huma favur li dawn jeħlu l-ħabs jekk jassistu nisa biex iwettqu abort.
Skont sondaġġ xjentifiku ippubblikat fuq il-gazzetta ILLUM fi Frar tas-sena l-oħra, 85% tal-poplu jibqa' kontra leġiżlazzjoni li tippermetti l-abort.