Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ biex il-PrEP, (Pre-Exposure Prophylaxis) mediċina kontra l-HIV, tibda tingħata b’xejn lil kull min għandu bżonnha.
Il-PN qal dan fi stqarrija fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija fejn wiegħed li jaħdem sabiex jinqatgħu il-preġudizzji kontra persuni LGBTIQ+
"Ħadd ma għandu jinżamm lura fis-soċjetà minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal- ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali tiegħu jew tagħha. Din l-identità hija parti integrali ta’ kull persuna u dan għandu jiġi rikonoxxut mis-soċjetà kollha," insista l-PN.
Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista, Therese Comidini Cachia saħqet li l-PN huwa konxju mid-diffikultajiet soċjali, ekonomiċi u emozzjonali li persuni LGBTIQ+ jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom.
"Il-ħtiġijiet speċifici ta’ persuni LGBTIQ+ għandhom jiġu rikonoxxuti u l-pajjiż għandu joffrilhom aċċess mingħajr xkiel għal servizzi speċjalment dawk relatati mas-saħħa u mal-awtonomija u l-integrità fiżika, emozzjonali u ekonomika tal-persuna," kompliet l-istqarrija.
Għalhekk, il-PN appella wkoll lill-Gvern biex jassigura li fit-tfassil ta’ politika nazzjonali ġdida dwar is-saħħa sesswali il-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni LGBTIQ+ għandhom jiġu indirizzati.