Il-Partit Nazzjonalista mhux se jkun qed jipproċedi kontra l-istazzjon nazzjonali wara l-ilment li tressaq il-ġimgħa li għaddiet minħabba l-programm Serataron.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech kien ressaq l-ilment wara li għall-programm Serataron li xxandar jumejn qabel Jum l-Omm, kienet mistiedna mart il-Prim Ministru Lydia Abela imma fl- istess programm ma kinitx mistiedna AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fil-protest, Zammit Dimech fisser li dan l-iżbilanċ kiser b’mod mill-aktar ċar il-kostituzzjoni u dan f'tema li, fi kliemu, suppost tattira l-għaqda nazzjonali. Il-Partit Nazzjonalista kien talab rimedju.
Madanakollu, minkejja li kienet saret ukoll konferenza tal-aħbarijiet dwar dan, il-Partit Nazzjonalista mhux se jkun qed ikompli bl-ilment tiegħu u għalhekk mhux se jipproċedi quddiem l-Awtorità tax-Xandir.
Kelliem għall-Partit Nazzjonalista fisser kif il-proċedura hija li l-ewwel isir ilment mal-istazzjon u wara li tingħata spjegazzjoni, tittieħed id-deċiżjoni jekk jipproċedux quddiem l-Awtorità tax-Xandir.
Il-Kelliem saħaq li t-tweġiba mogħtija mill-istazzjon kienet sodisfaċenti u għalhekk il-PN għażel li ma jkomplix bl-ilment tiegħu.