Il-Ministru għall-Enerġija tħabbar investiment ta' €26 miljun f'enerġija rinnovabbli
S'issa inħarġu żewġ sejħiet, waħda għal dawk interessati fi proġetti ta' 40kw sa 200kw u oħra għal 200kw sa 1MW
More in Politika
S'issa inħarġu żewġ sejħiet, waħda għal dawk interessati fi proġetti ta' 40kw sa 200kw u oħra għal 200kw sa 1MW
Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, ħabbret investiment f'enerġija rinnovabbli ta' €26 miljun fuq 20 sena fuq PV u pannelli solari ta' aktar minn 1MW.
Aktar kmieni illum, Dalli qalet li dan l-investiment jippermetti l-installazzjoni ta’ aktar minn 1MW b’kapaċità totali ta’ 16MW. Dan l-investiment qed jimmira lejn investituri li jixtiequ jinstallaw PV u pannelli solari f'postijiet kbar bħal barrieri, miżbliet li m'għadhomx jintużaw, art industrijali, soqfa u parkeġġi, fost oħrajn.
Dawn it-tariffi feed-in huma bbażati fuq kalkoli tekniċi dettaljati bbażati fuq it-tipi differenti ta' installazzjoni. L-appoġġ finanzjarju permezz tat-tariffa feed-in se tkun fissa għal medja ta' €12c7/kwh, li tvarja skont il-kategorija tal-installazzjoni.
Dalli fakkret li qabel il-Gvern kien nieda skemi ta' investiment għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli li jiġġeneraw bejn 40kWp sa 1MWp, għal allokazzjoni totali ta' 31MWp.
Hi qalet li s'issa inħarġu żewġ sejħiet, waħda għal dawk interessati fi proġetti ta' 40kw sa 200kw u oħra għal 200kw sa 1MW. Kien l-interess qawwi f'dawn is-sejħiet li inkoraġġiehom biex iniedu skema aktar aggressiva.
Il-Ministru qalet ikoll li dak li ġie mħabbar illum, flimkien ma’ dak li tħabbar xahrejn ilu, ifisser li l-Gvern qed jalloka kapaċità totali ta’ 47MW minn sorsi ta ’enerġija rinnovabbli, b’investiment totali ta’ €76 miljun fuq 20 sena. Qalet li dan sar b’konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet interessati.
Dalli żiedet tgħid li t-tnedija tal-lum tiġbor flimkien ix-xogħol tal-Gvern biex iżid l-enerġija rinnovabbli f’Malta, b’erba' miri speċifiċi f’moħħu: enerġija affordabbli u nadifa, titjib fl-infrastruttura u innovazzjoni fl-industrija, produzzjoni u konsum responsabbli u tibdil fil-klima.