Erba' eks speakers jagħmlu bojkott lil attività organizzata minn Anġlu Farrugia

Alfred Bonnici, Lawrence Gonzi, Anton Tabone u Louis Galea insistew li l-pajjiż għandu kwistjonijiet aktar urġenti u importanti x'jindirizza milli attivitajiet ċerimonjali

Erba' eks Speakers ħabbru li mhux se jkunu qed jattendu għal Symposium organizzat mill-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt li saħqu li l-pajiż għandu kwistjonijiet aktar importanti u urġenti x'jiddiskuti u x'jindirizza.

Is-Symposium organizzat minn Farrugia se jittella' nhar it-Tlieta biex jimmarka l-ewwel ċentinarju minn meta kien iffurmat il-Parlament Malti.

Alfred Bonnici, Lawrence Gonzi, Anton Tabone u Louis Galea kitbu lill-Ispeaker u infurmawh li fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti ma jaħsbux li huwa f'waqtu li l-Parlament jiddedika ħinu għal attivitajiet ċerimonjali, meta l-pajjiż qed jiffaċċja kwistjonijiet aktar importanti u urġenti.

B'mod indirett huma kienu qed jitkellmu dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li kkonkluda li l-Istat Malti huwa responsabbli għall-qtil tal-ġurnalista minħabba klima ta' impunità li nxterdet mill-ogħla istituzzjonijiet tal-Gvern.

Huma qed jissuġġerixxu li din l-attività tkun posposta.

Ta' min ifakkar li l-Ispeaker ċaħad talba tal-Oppożizzjoni biex il-Parlament jitlaqqa' b'urġenza biex tkun diskussa mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis li f'Chat ma' Yorgen Fenech waqqa' għaċ-ċajt il-ġlieda tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja u l-verità.

More in Politika