L-Imħallef Aaron Bugeja astjena milli jippresiedi hu l-ġuri kontra Yorgen Fenech akkużat bħala l-mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Bugeja, kif inhi l-prassi, ingħata f'idu dan il-ġuri wara li aktar kmieni llum, l-Avukat Ġenerali daħħal l-akkuża formali kontra Yorgen Fenech, fejn saħansitra qed jitlob li l-akkużat jingħata sentenza ta' għomor il-ħabs.
L-Imħallef Bugeja ħa din id-deċiżjoni minħabba li kien hu l-Maġistrat li ħadem fuq l-inkjesta Egrant.
Bugeja insista li ma jistax jippresiedi dan il-ġuri għax f'din l-inkjesta huwa esprima l-ġudizzju tiegħu fuq materji li huma direttament marbuta ma' Yorgen Fenech.
Qabel sar Imħallef, Bugeja kif mexxa l-inkjesta dwar il-kumpanija fil-Panama Egrant, li skont Daphne Caruana Galizia kienet ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Joseph Muscat. Kienet qalet ukoll li rċeviet pagament ta' miljun dollaru minn membru tal-familja tal-President tal-Ażebajġan.
Ir-rapport tal-inkjesta kien twil 1,500 paġna u Bugeja ma kien sab l-ebda evidenza li torbot lil Muscat ma' Egrant.