Filmat | Il-Prim Ministru jaqtgħalha rasha ... l-ebda elezzjoni din is-sena
Dan minkejja xniegħat li kien se jsejjaħ elezzjoni ġenerali għas-27 ta' Novembru u saħansitra wkoll fl-4 ta' Diċembru
More in Politika
Dan minkejja xniegħat li kien se jsejjaħ elezzjoni ġenerali għas-27 ta' Novembru u saħansitra wkoll fl-4 ta' Diċembru
Il-Prim Ministru Robert Abela insista li l-Elezzjoni Ġenerali mhux se tkun qed issir din is-sena.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, meta mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal ċar u tond li l-elezzjoni se ssir fl-2022.
Ix-xniegħat kienu li Abela kien se jsejjaħ elezzjoni ġenerali għas-27 ta' Novembru u saħansitra, dan l-aħħar, bdiet tissemma' wkoll id-data tal-4 ta' Diċembru.
Abela fakkar li hu dejjem qal li d-data tal-Elezzjoni Ġenerali se tkun deċiża skont l-aħjar interess nazzjonali.
"Ma naħsibx li huwa fl-interess nazzjonali li l-elezzjoni ssir din is-sena," qal il-Prim Ministru waqt li tefa' t-tort fuq l-Oppożizzjoni li, fi kliemu, riedet toħloq inċertezza.
Insista li fil-ġimgħat li ġejjin, il-poplu u anke n-negozji għandhom jitħallew jgħixu Milied tajjeb, filwaqt li jkomplu jingħataw id-dożi addizzjonali tat-tilqima kontra l-Covid-19.
Ix-xniegħat u l-ispekulazzjoni dwar Elezzjoni Ġenerali bikrija komplew jiżdiedu meta waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Prim Ministru kien qal li biex il-Baġit ikun implimentat kollu, il-Gvern kellu bżonn il-mandat tal-poplu.
Dan apparti l-fatt li ġiet posposta wkoll iż-żjara tal-Papa Franġisku li kienet imsemmija li se seħħ lejn l-aħħar ta' Novembru jew il-bidu ta' Diċembru.
Il-leġislatura preżenti tintemm f'Ġunju 2022.