‘Intom tibqgħu ggranfati mas-siġġu biex tevitaw il-ġustizzja u l-verità’

Bernard Grech jgħid li minjaf kemm għad irridu niskopru aktar fil-ġranet, fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin b'referenza għal akkużi ta' korruzzjoni

Waqt seduta parlamentari l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddeskriva l-Gvern Laburista bħala wieħed jinten bil-korruzzjoni, bl-abbuż tal-poter, bl-ineffiċjenza u bl-inkompetenza. Dan qalu għaliex jemmen li l-Gvern minflok jaqdi l-interess nazzjonali u jservi liċ-ċittadin Malti qiegħed jisserva bihom.

“L-ewwel waħda, ma tistax ma ssemmijiex, Rosianne Cutajar. Dabbret €9,000 fil-but u dawn ma jidhru imkien u m’huma iddikjarati mkien,” qal Grech. Huwa kompla jgħid li dawk li jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u li m’għandhomx il-privileġġ li jkunu politiċi man-naħa tal-Gvern, li kieku jkollhom elf ewro mhux iddikjarati, jagħmlulhom ħajjithom infern.

Grech jgħid li, Robert Abela, mlaqqam minnu bħala l-Prim Ministru tal-kontinwità, tant hu kuntent b’Cutajar, li ma jridx jisma’ l-appell tal-Oppożizzjoni, li huwa illi dawk li jinstabu ħajta illi daħħlu flus bil-moħbi u jinstabu ħatja taħt investigazzjoni,  mhuwiex posthom fis-siġġijiet tal-Gvern.

Jgħid li Rosianne Cutajar diġà nstabet ħatja ta’ ksur ta’ etika iżda Robert Abela jibqa’ jżommha ma’ djulu. “Dak huwa l-eżempju li qed tagħti Prim Ministru?” staqsa Grech.

Grech żied jgħid li ftit passi ‘l bogħod minn Rosianne Cutajar hemm eżempju ċar ieħor, il-Ministru għall-Governanza tajba Edward Zammit Lewis, li waqt li kien qiegħed jagħmel xogħlu fil-Parlament, bħala poltiku man-naħa tal-Gvern kien jibgħat messaġġi lil Yorgen Fenech, l-allegat kriminal fuq dawk deskritti bħala uħud mill-akbar korruzzjoni li qatt esperjenzaw iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Grech qal li kieku dawn il-każi ġraw f’pajjiżi oħra fl-Ewropa, dawn il-fatti kienu jwasslu għal riżenja ‘lock stock and barrel’ ta’ kull membru parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern. Madankollu Grech isostni li dawn l-istess membri jridu jibqgħu ggranfati mas-siġġu għax jgħid li dak hu l-uniku protezzjoni biex jevitaw il-ġustizzja u l-verità.

Apparti minn hekk Grech jgħid li mhux talli baxxew l-istandard tal-kwalità tal-politiċi li qed imexxu l-pajjiż iżda jgħid li l-istandard ramewh kompletament.

Għaldaqstant Bernard Grech saħaq li se jżomm lill-Membri Parlamentari Laburisti responsabbli tas-sitwazzjoni kurrenti fejn iż-żgħażagħ qed jgħidu li xebgħu jgħixu f’pajjiżna.

Il-kuntratt tal-Vitals, is-€60,000 ta’ Joseph Muscat u l-kuntratt ta’ Bogdanovic

Il-Kap tal-PN stqarr li kuntrarju ta’ Joseph Muscat, il-ħaddiem Malti, €60,000 idum jaħdem għalihom aktar minn ftit ġranet, uħud idumu snin. Kien hawn li Grech staqsa lil Prim Ministru Robert Abela, "x’qed tistenna biex tikkundanna?"

Qal li aktar ma’ jdum jaħsibha biex jkkundanna "aktar niftakru meta qallek li jekk iddejqu jerġa jiġi u joħodlok postok. Aktar ma tinsisti li inti il-Prim Ministru tal-kontinwità aktar niftakru li kienet Michelle Muscat li kkanvasjatlek biex taqlibha lil ta’ ħdejk,  Chris Fearne, li kulħadd kien diġà għamilha fatta li kien se jkun il-Mexxej Laburista."

Jgħid li apparti Rosianne Cutajar, Edward Zammit Lewis u Konrad Mizzi hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, li tat kuntratt ta’ €15,000, "lil footballer favorit tagħha".

Jgħid iżda li l-għada li ħarġet l-aħbar il-PM qal li dak il-kuntratt kellu jitħassar u li kienet se tittieħed azzjoni, bil-għan li jtaffi r-rabja tal-laburisti.  Minkejja dan Grech jgħid li wara sirna nafu li l-kuntratt baqa’ għaddej.

"Mhux ta’ b’xejn li jkollok żgħażagħ urtati", qal Grech. Spjega li hemm studenti mill-MCAST u l-Università li wara erba’ snin kors il-€15,000 lanqas jagħmluhom f’sena.

‘Dan il-Gvern ma jistax jissodisfa għax jaħseb fih innisfu’

Grech jisħaq li l-poplu qed jgħajjat għal politika differenti, għal politiċi li huma kompletament differenti.

Jemmen li ma nistgħux nattiraw aktar talent lejn il-politika jekk nibqgħu nħallsu lill-politiċi, fuq iż-żewġ naħat, bil-karawett. Jgħid li jkun hemm min ikun hemm fl-oppożizzjoni hemm bżonn li jkun hemm persuni li jaħdmu u jagħmlu r-riċerka u jkunu mħallsin minn fondi pubbliċi biex il-politiċi jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar xogħol għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Huwa elenka numru ta’ kwistjonijiet preżenti fil-pajjiż u kif hu bħala Prim Ministru kieku jaffronthom. Fost dawn huwa semma li jkompli jinkoraġixxi esportazzjoni tal-prodotti Maltin għal aktar tkattir ta’ ġdid kif ukoll li jingħata stipendju ogħla lil dawk l-istudenti li qed jistudjaw biex isiru infermiera u għalliema.

Minn naħa l-oħra qal li ċertu studenti jaqtgħu qalbhom għax jekk ma jkunux jafu lil xi ħadd ma jirnexxux. Għal dan huwa qal li ċertu studenti universitarji, għadhom ħerġin mill-klassi, ingħataw kuntratti ta’ €50,000 għax "il-papa kien canvasser". 

"Minflok nonfoq €28 miljun fuq persons of trust, nagħti bonus ta’  €14-il miljun lill-front liners kollha għas-sagrifiċċji tagħhom,"  saħaq Grech.

"L-ewwel qridtu l-art u issa tridu teqridu l-baħar ukoll"

Grech qal li l-ambjent tagħna qed nittrattawh ħażin kuljum. B’eżempju għal dan huwa semma l-bajja ta’ Marsaskala. Qal li l-Gvern Laburista l-ewwel qered l-art u issa irid jeqred il-baħar ukoll. Żied jgħid li kieku kien ser jinqered bil-għan li ssir xi ħaġa tajba għaċ-ċittadin Malti u Għawdxi, kien jifimha għalkemm xorta ma jaqbilx. Iżda, jgħid li l-qerda se ssir biex il-Membri Parlamentari Labruisti jagħtuha lill-ħbieb.

Huwa elenka numru ta’ kwistjonijiet ambejntali oħra fosthom il-bini fiż-Żonqor, is-sagħtar li jgħid li se jinqered fid-dormitorji u l-kampus il-ġdid. Jgħid ukoll li mhux ta’ b’xejn li lil kull min ikellem jgħidlu li f’dan il-pajjiż iħossuhom fgati.

Fl-aħħar ikkonkluda li bħala Kap tal-Oppożizzjoni mhux lest li jpoġġi aktar riskju fuq uliedna u li mhux se jaċċetta li l-Gvern jgħaddi liġi fejn jgħaddi messaġġ lil persuni f’Malta, li d-droga hi normali.

F’indirizz dirett lid-deputati Laburisti qal li se jibqgħu jippruvaw  jgħaddu lin-nies biż-żmien u li d-dekriminalizzjoni tal-kannabis ilha li daħlet  fil-pajjiż sitt snin u din il-liġi proposta m’hijiex fuq hekk.

Kien hawn li staqsa lill-Prim Ministru, 'kif se tispjega lill-familji li qed titfa' messaġġ lit-tfal tagħhom li din hija xi ħaġa normali?' 

More in Politika