Mas-670 familja u negozji fil-Baħrija u l-madwar se jkunu qed igawdu minn sistema ġdida ta’ provvista tal-elettriku, fi proġett li għandu l-għan li jsaħħaħ l-infrastruttura u jtejjeb il-kwalità tas-servizz lill-klijenti tal-Enemalta.
Dan l-investiment huwa maqsum f’żewġ fażijiet: fl-ewwel fażi, b’investiment ta’ €400,000, tpoġġa taħt l-art cable ta’ 11KV fuq medda ta’ kważi żewġ kilometri. Dan se jieħu post il-linji li bħalissa jinsabu għaddejjin fuq l-arbli. Minħabba li din l-infrastruttura hi esposta għall-elementi tan-natura, ir-residenti kienu qed jesperjenzaw interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku, speċjalment fit-temp xitwi. Fl-aħħar xhur, l-inġiniera tal-Enemalta wettqu numru ta’ studji biex jindirizzaw din il-problema.
Intant, l-Enemalta implimentat diversi miżuri intermedjarji biex kemm jista’ jkun jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti tal-lokalità tal-Baħrija.
Fit-tieni fażi ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €600,000, l-Enemalta qed timmodernizza numru ta’ substations li jissupplixxu l-provvista tal-elettriku lil din il-komunità, inkluż bi tqegħid ta’ linji ġodda. Dan se jiżgura aktar stabbilità fil-provvista tal-elettriku għar-residenti u n-negozji tal-Baħrija.
“L-Enemalta hija impenjata li tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni f’pajjiżna. Dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li l-Enemalta qed taħdem fuqhom bħalissa bħala parti minn pjan ambizzjuż ta’ ħames snin,” saħħqet il-Ministru Miriam Dalli.
“Dan l-investiment huwa meħtieġ anke fid-dawl taż-żieda kontinwa fid-domanda għall-elettriku. Biżżejjed jingħad li s-sena li għaddiet, minkejja l-pandemija, iI-ħaddiema tal-Enemalta taw aktar minn 10,200 servizz ġdid lil familji u negozji. Dan huwa kważi d-doppju tas-servizz li kienu ngħataw fl-2013 meta kienu ngħataw ftit aktar minn 5,000 servizz.”
Ic-chairman tal-Enemalta Jonathan Scerri qal li bħalissa qed tingħata spinta lil dawn ix-xogħlijiet li jaffettwaw diversi komunitajiet. Dan qed isir wara analiżi dettaljata li l-inġiniera tal-Enemalta għamlu biex jaraw il-ħtiġijiet tal-grid biex jingħata l-aħjar servizz lill-klijenti tal-Enemalta.
“Dan il-programm ta’ xogħlijiet jipprovdi soluzzjonijiet differenti f’lokalitajiet differenti iżda b’għan komuni li tiġi rinfurzata s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Per eżempju, f’Ħad-Dingli tpoġġa low voltage regulator. Fil-Qrendi, matul il-ġimgħa li għaddiet, tbiddlu kilometri ta’ wires f’diversi toroq. Xogħol ieħor għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni sar fost oħrajn fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, f’Ħal Luqa, f’Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta. F’lokalitajiet oħrajn bħal Għajnsielem, Wied il-Għajn u l-Kalkara għaddej, jew se jibda, xogħol ta’ rinfurzar. Dan minbarra investimenti kapitali oħra li jinkludu substations ġodda u t-tkabbir taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni biex jipprovdu għaż-żieda fid-domanda li l-pajjiż qed ikollu sena wara sena.”
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li l-Baħrija kienet ilha snin mitluqa minkejja li l-komunità tal-Baħrija qed tkompli tikber, u sostna li sal-2013 it-talbiet persistenti tal-kunsill tar-Rabat biex isiru x-xogħlijiet ma kinux jingħataw widen.
“Sa qabel l-2013, lanqas sistema ta’ drenaġġ ma kien hemm. Din saret fl-ewwel leġislatura tal-gvern Laburista, li investa l-miljuni sabiex kull familja tkun imqabbda ma’ sistema ta’ drenaġġ komuni. L-investiment li qed tagħmel l-Enemalta biex timmodernizza s-sistema infrastrutturali tal-elettriku huwa pass importanti ieħor għar-residenti,” qal is-Sur Craus.