Konfront dirett fil-Ħames Distrett: Robert Abela u Bernard Grech

Il-PM u Mexxej Laburista jħabbar il-kandidatura tiegħu fuq il-ħames distrett, iżda jibqa' ma jindikax data ta' elezzjoni

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li se jkun kandidat fuq il-Ħames Distrett u allura se jkun hemm konfront dirett bejn il-Mexxejja politiċi f'dan id-distrett hekk kif Bernard Grech ukoll huwa kandidat fuq dan id-distrett li jinkludi lill-Imqabba, Qrendi, iż-Żurrieq u Birżebbuġa. 

Dan ħabbru dalgħodu Abela f'attività fl-Imqabba, li għaliha attendew mijiet ta' attivisti imma li matulha baqa' ma indikax data għall-elezzjoni ġenerali. 

Huwa qal li huma n-nies li jagħtu s-saħħa lill-Moviment Laburista u għalhekk li l-ħidma tal-PL se tkun li jibqa' qrib in-nies.  Kien hawn li semma' l-miżura ta' rifużjoni tat-taxxa u ċekk addizzjonali li tħabbar din il-ġimgħa, li jara persuna tieħu €195 f'rifużjoni u ċekk addizzjonali jekk taqla' bejn €15,000 u €30,000, b'koppja b'wild student tieħu sa €510 f'rifużjoni u ċekkijiet. Koppja pensjonanti jieħdu €400. "Għax konna senittivi ħassejna li kellna nintervjenu biex ngħinu lill-familji. Ma ħallejna lil ħadd jaqa' lura fl-aħħar sentejn u m'aħna qatt se nħallukom waħedkom," sostna Abela.

"Qalulna għamilniha għax ġejja l-elezzjoni. Ilha ġejja l-elezzjoni, għax ilna snin insostnu u nsostnu lill-familji u jekk tafdawni hekk se nibqa' nagħmel, se nibqgħu ninvestu fin-nies, għax nemmen li kapaċi ninvestu ħafna u ħafna iżjed," qal għall-folla ċċapċap u tgħajjat "Robert, Robert." 

Huwa qal illi minkejja l-isfidi kollha l-Gvern qatt ma qata' qalbu. "Kienu qalulna li spiċċaw il-flus u l-unika triq hija li nnaqqsu r-riżorsi għan-negozji u l-familji... kemm marru żmerċ. U la r-rota qegħda ddur irridu inkomplu ndawwruha b'aktar saħħa," sostna Abela. "Aħna ma tajnix b'id u ħadna b'oħra. Konna ħabbarna fil-Baġit li se nżidu dan iċ-ċekk għall-ħaddiema kollha, għax nemmnu li rridu ninċentivaw il-bżulija. Għax emminna li ridna nagħtu stimolu ġdid lill-ekonomija, bħal ma għamilna bil-vouchers," sostna Abela. 

Huwa qal li l-Gvern ħass li kellu jagħti dawn il-flus ukoll biex jilqa' għall-għoli tal-ħajja. Huwa fakkar li l-Gvern ħa deċiżjoni "strateġika" li permezz tagħha seta' jħalli l-prezzijiet f'qagħda stabbli u allura ma għolewx, f'liema punt huwa rringrazzja lill-Ministru Miriam Dalli, koinċidentalment kandidat fuq il-ħames distrett ukoll. 

"Ara l-PN żiedu l-kontijiet meta kellhom kriżi ħafna iċken minn dik tal-lum. Bernard Grech irid jeħodna lura għal żmien Tonio Fenech!" sostna Abela li fakkar illi Grech kien qal illi jekk il-prezz tal-enerġija jogħla barra, se jkunu qed jogħlew f'Malta wkoll. "Tonio Fenech huwa l-istess wieħed li kien qalilna li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma rridu nidrawhom u ħareġ jattakkana għax tajna €70 miljun lill-familji."
Huwa qal li fuq naħa hemm il-politika tal-Labour li tagħti lin-nies, u l-politika ta' Bernard Grech li "għalih l-investiment fin-nies huwa tberbiq ta' flus."

"Fi żmien il-PN bejn baġit u ieħor konna nistennew kont ogħla. Taħt Gvern Laburista nistennew ċekk. Ċekkijiet li jiżdiedu mal-għajnuna b'saħħitha fil-Baġit."

"Dan il-partit għadu fl-aqwa tiegħu, għadu mimli bl-ideat, għadu mimli enerġija.. u fina se jsibu moviment magħqud u kumpatt quddiem l-attakki tal-PN," saħaq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista.  Huwa stieden lill-Oppożizzjoni biex "tistenna ftit" ħalli tara l-pjan ambiżżjuż tal-Partit Laburista għal wara l-elezzjoni.

"Konna u se nibqgħu l-aktar Gvern fl-Ewropa li għinna lin-nies għax aħna tan-nies u man-nies," sostna Abela li qal illi l-Gvern mexxa b'suċċess lill-pajjiż waqt pandemija. Elenka t-tnaqqis fit-taxxa fuq il-part time u l-overtime, aktar flus għall-pulizija u l-armata, riforma fil-liġijiet tal-kera, il-mediċini għall-mard rari, l-introduzzjoni tal-femiċidju fil-Liġi u aktar. 

"Meta jasal il-mument tal-għażla ma għandniex nissugraw dak kollu li ksibna. Ma għandna nieħdu xejn for granted. Ma nistgħu ngħalqu għajnejna għall-ħadd," qal Abela. 

Huwa elenka proġetti li saru fil-Ħames Distrett: Il-proġett ta' Wied Fulija - minn miżbla għal spazju miftuħ, it-tħabbira tal-għeluq tat-tankijiet f'Birżebbuġa u tax-shore-to-ship u aktar.

"Dak il-hafna li bnejna se nkomplu nibnu fuqu u ta' dan irrid nagħti garanzija li dak li bdejna f'dawn l-inħawi se jkompli għaddej," qal Abela. Kien f'dan il-ħin li ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-ħames Distrett. 

"Flimkien nistghu nikbsu l-pajjiz tas-suċċess, nkomplu niksbu dak li ma ksibniex sal-lum," għalaq id-diskors il-Prim Ministru. 

Jekk mhux sad-19 ta' Marzu, l-elezzjoni ssir wara l-Għid

Jekk l-elezzjoni ma ssirx nhar it-12 ta' Marzu hemm dati oħrajn li qed ikunu kkunsidrati, imma kollox idur maż-żjara tal-Papa, li għadha mhix uffiċjali u anke l-Għid il-Kbir. 

Jekk il-Papa se jkun qed iżur Malta fit-2 ta April kif irrappurtat - l-aktar data tard f'Marzu tkun is-Sibt 19. Kwalunkwe data wara din tkun wisq qrib din iż-żjara li tirrikjedi element qawwi ta' preparazzjoni, sigurtà u loġistika. Biex issir f'din id-data Abela jrid iħabbar l-elezzjoni matul din il-ġimgħa, sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 14 ta' Frar - Jum San Valentinu. 

Jekk ma ssirx dakinhar - u dejjem jekk inżommu t-2 ta' April bħala l-jum li fih ġej il-Papa -  allura nkunu qed inħarsu għal elezzjoni li titħabbar ximkien wara is-17 ta' April, l-Għid il-Kbir

More in Politika