llum Carmel Cacopardo, Chairperson ta' ADPD - The Green Party vara l-islogan u t-temi tal-kampanja elettorali bil-messaġġ 'Xkupa Ħadra Tnaddaf.'
"Il-pajjiż jeħtieġ tindifa tajba. Tindifa lill-istituzzjonijiet u tindifa kbira lill-politika li jħaddan u jwettaq il-pajjiż," qal Carmel Cacopardo, iċ-Chairperson tal-partit li sostna illi l-messaġġ tal-ADPD huwa dwar il-ħtieġa ta’ impenn li jirrispetta l-ekoloġija fl-għażliet li nagħmlu kif ukoll dwar tmexxija nadifa.
"Il-manifest elettorali qed jitħejja u qiegħed fl-aħħar stadji biex ikun ippreżentat u approvat mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit," sostna Cacopardo li qal ukoll li dan mhux se jkun manifest ta' Father Christimas, "b’wegħdiet individwali."
Huwa qal li dawk tal-ADPD ser ikunu proposti u wegħdiet li jfittxu l-ġid komuni, "li jkollna pajjiż aħjar. Bi tmexxija nadifa. B’istituzzjonijiet li jaħdmu u li fejn hemm bżonn ipoġġu anke lill-Gvern tal-ġurnata f’postu."
"In-nuqqas ta’ governanza tajba jagħtina reputazzjoni ħażina u jwassal ukoll għal deċiżonijiet amministrattivi żbaljati, bħal per eżempju l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti li minnha innifisha hi kalamita għal min ifittex ġurisdizzjoni fejn l-etika fiskali hi waħda laxka," sostna Cacopardo. Huwa reġa' sostna li l-ADPD trid li din l-iskema titwaqqaf b'mod assolut, mingħajr skużi.
Huwa qal li l-Parlament ukoll jeħtieġ tindifa tajba u qal li minkejja li l-liġijiet elettorali huma diskriminatorji fil-konfront ta' partiti żgħar, "għandna fiduċja fin-nies li jivvutaw bil-għaqal."
Huwa appella - waqt il-konferenza organizzata llum - li l-ewwel preferenza għandha tkun lill-kandidati ta' ADPD li jgħid illi se jkunu qed jikkontestaw id-distretti kollha. "Fi ħsiebna naraw, din id-darba, li l-proporzjonalità elettorali taħdem anke fil-konfront tagħna. Dan hu possibli anke bil-liġijiet kif inhuma. Imma jekk dan ma jseħħx qed nagħti avviż minn issa li l-partit ser jinsisti li aħna m’aħna xejn inqas minn ħaddieħor u għaldaqstant fi ħsiebna nagħmlu użu mir-rimedji kostituzzjonali li għandhom jipproteġuna mid-diskriminazzjoni li ilna insofru s-snin," wissa Cacopardo.
Huwa temm jgħid li ADPD mhix se tagħmel maratni ta' ġbir ta' fondi għax ma trid li jkun hemm lanqas l-iċken forma ta' pressjoni fuq ħadd.