Aġġornata | Biden iħabbar sanzjonijiet 'li se jagħtu daqqa lil Putin' u r-Russi jidħlu Chernobyl

Nhar it-Tlieta ser issir sessjoni straordinarja fil-Parlament Ewropew biex jkun diskuss dan l-attakk

Vladimir Putin, fl-għajn ta' sanzjonijiet u kritika bħalissa
Vladimir Putin, fl-għajn ta' sanzjonijiet u kritika bħalissa

Il-President Amerikan Joe Biden qal illi l-Istati Uniti se tkun qed tillimita l-abbilità tar-Russja li tagħmel in-negozju bid-dollari, l-ewro u l-lira u biex tkun parti mill-ekonoimija globali, hekk kif l-attakk Russu fuq l-Ukrajna kompla għaddej illejla bir-Russi saħansitra jaħtfu l-belt abbandunata ta' Chernobyl. 

Intant ir-Russja qalet illi l-ewwel jum tal-attakk tagħha kien "suċċess". "Suċċess" li fil-fatt diġà ħalla madwar 40 persuna bla ħajja. 

"Bejn l-azzjonijiet tagħna u dawl tal-alleati tagħna qed nistmaw illi nnaqqsu aktar mill-importazzjoni ta' oġġetti ta' teknoloġija lejn ir-Russja," sostna Biden, li qal illi dawn is-sanzjonijiet se jagħtu daqqa kbira lill-abilità tar-Russja li timmodernizza, tweġġa' l-industrija tal-ajru Russa - inkluż programm spazjali - u l-abbilità tal-pajjiż li jibni vapuri.

Intant il-President tal-Parlament Ewropew u l-mexxejja tal-gruppi adottaw dikjarazzjoni dwar l-attakk militari tar-Russja fuq l-Ukrajna, u ħabbru sessjoni plenarja straordinarja għat-Tlieta l-1 ta' Marzu. Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew tlaqqgħet mill-President Roberta Metsola dalgħodu biex niddiskutu r-rispons tagħna għall-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Il-Konferenza tal-Presidenti kkundannat l-attakk Russu fuq l-Ukrajna bl-aktar mod qawwi possibbli.

"L-Ukrajna hija nazzjon indipendenti u sovran u l-integrità territorjali tagħha mhijiex negozjabbli. L-invażjoni mhijiex ġustifikata u hija illegali. Hija theddida għall-istabbiltà Ewropea u reġjonali, kif ukoll għall-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. L-attakk għandu fil-mira l-mudell tagħna ta’ soċjetà demokratika. Ma tistax ma tingħatax risposta," sostniet l-istqarrija. 

 IKTAR KMIENI: Ir-Russja bdiet attakk fuq l-Ukrajna dalgħodu hekk kif Vladimir Putin wissa lil pajjiżi oħrajn li jekk jippruvaw jindaħlu se jkollhom jiffaċċjaw "konsegwenzi li qatt ma raw qabel." Splużjonijiet kbar instemgħu kmieni dalgħodu fi Kyiv, Khariv u Odesa hekk kif mexxejja dinjin ikkundannaw dan l-attakk ta' invażjoni Russa li tista' twassal għal eluf ta' nies mejtin u li tista' twassal ukoll biex jitwaqqa' l-Gvern Ukren elett demokratikament. 

Putin qed jiġġustifika dan l-attakk u f'messaġġ fuq it-televiżjoni qal illi dan qed isir sabiex jiġu protetti iċ-ċittadini fil-Lvant tal-Ukrajna, xi ħaġa li fil-fatt l-Istati Uniti kienet ilha tipprevedi li Putin se juża bħala raġuni għall-attakk. 

Il-President Amerikan Joe Biden qal illi d-dinja ser iżżomm lir-Russja responsabbli u l-Kap tan-Nato qal illi dawn l-attakki huma ksur tal-liġi internazzjonali u theddida għas-sigurtà tal-Ewropa. 

Intant ir-Russja għalqet il-Port bejnha u l-Ukrajna fil-Baħar ta' Azov filwaqt li dalgħodu wkoll in-NATO ħabbret illi s-Segretarju Ġenerali Jens Stoltenberg se tkun qed tindirizza lill-ġurnalisti aktar tard illum f'Laqgħa Straordinarja. 

Sanzjonijiet Ewropej kontra l-Kremlin

Intant il-Prim Ministru Malti Robert Abela mistenni jkun wieħed mill-mexxejja Ewropej li jiltaqgħu sabiex jiddeċiedu fuq sanzjonijiet kontra r-Russja, liema sanzjonijiet se jitressqu mill-Kummissjoni Ewropea. Il-President tal-Kummissjoni Ursula Von Der Leyen qalet illi s-sanzjonijiet se jkunu "enormi" u se jkollhom għan dirett. 

"B'dan l-pakkett se nkunu qed nimmiraw lejn setturi strateġiċi tal-ekonomija Russa billi nimblukkaw l-aċċess għal teknoloġiji importanti. Se ndgħajfu il-bażi ekonomika Russa u l-abbilità tagħha li timmodernizza," sostniet Von Der Leyen.

Hija qalet li apparti minn hekk se jaraw illi jiġu ffriżati l-assi Russi fl-UE u l-aċċess gġall-banek Russi għas-suq finanzjarju Ewropew.

"Dawn is-sanzjonijiet qed isiru sabiex innaqqsu mill-poter tal-Kremlin li jiffinanzja l-gwerra," temmet tgħid Von Der Leyen.   

Forzi Russi jieħdu f'idhom ajruport viċin il-Kapitali Ukrena 

Truppi Russi ħadu kontrol tal-Ajruport Antonov li jinsab madwar 25 mil ‘il bogħod miċ-ċentru ta’ Kjiv, il-Kapitali Ukrena.

Hu mifhum li aktar ajruplani Russi mistennija jinżlu f’din il-bażi tal-ajru fil-ħin li ġej.

Jidher li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, kien irrapportat ukoll ġlied mal-forzi Ukreni li pprovaw jieħdu lura f’idhom dan l-ajruport.

X'inhi eżattament il-kwistjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna? U kif wasalna sa hawn? 

Fl-aħħar tal-2013 Viktor Yanukovych, il-mexxej tal-Ukrajna li kien ferm qrib tal-Kremlin ikkanċella pjani li kellu biex jressaq lill-pajjiż lejn l-Unjoni Ewropa, wara li Vladimir Putin ppropona Customs Union bejn l-Ukrajna, il-Belarus u l-Kazakhstan. Dan il-pass eqreb lejn ir-Russja - minflok lejn l-UE - wassal għal inwkiet u protesti fit-toroq tal-kapitali Kyiv, liema protesti, xi kultant vjolenti, waslu biex Yanukovych jirriżenja. 
Ftit wara r-Russja ħadet passi biex tokkupa l-Krimea f'pass li kien meqjus bħala illegali mill-Ġnus Magħquda. Il-Krimea, peninsula fl-Ukrajna, fejn ħafna jitkellmu bir-Russu kienet trasferita lill-Ukrajna fl-1954 mill-Mexxej tal-Unjoni Sovjetika Nikitia Khrushchev. 

Il-Kremlin dejjem qal illi l-azzjoni li ħa fuq il-Krimea kienet ibbażata fuq referendum li permezz tiegħu n-nies tal-Krimea riedu jerġgħu jingħaqdu mar-Russja. L-Unjoni Ewropea qalet illi r-referendum, li seħħ wara li truppi Russi ivadew il-Krimea, "kien illegali u illeġittimu." 
Il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna ggrava wara illi separatisti appoġġjati mir-Russja ddikjaraw żewġ reġjuni repubblika. Dawn huma Donetsk u Luhansk, magħrufin bħala id-Donbas. 

Fl-2014 u l-2015 ġie ffirmat l-Ftehim ta' Minsk li permezz tiegħu kellu jieqaf il-ġlied u l-kunflitt, minkejja li xorta tilfu ħajjithom 14,000 persuna. Dan il-ftehim ġie vjolentat diversi drabi u minkejja tama li fl-2019 se tinstab soluzzjoni wara li ġew skambjati priġunieri, il-kunflitt kompla. 

Ir-Russja fl-2021 bdiet tħejji eluf ta' truppi ħdejn l-Ukrajna għal dak li qalet illi huwa theddid minn NATO. Wara hija rtirat dawn it-truppi. 
U llum fejn ninsabu? 

Ir-Russja laqqgħet madwar 100,000 suldat ħdejn il-fruntiera tal-Ukrajna, filwaqt li kien irrapportat li intbagħat aktar makkinarju u riżorsi lis-separatisti. 

More in Politika