Ġonna u Marina: Sab ir-ruħ ambjentali jew bżar fl-għajnejn?

Il-kuxjenza ambjentali fost il-poplu ilha tikber. Tgħid il-fatt li l-Partit Laburista beda l-kampanja billi ħabbar ġonna u spazji miftuħa kif ukoll it-twaqqif tal-proġett ta' Wied il-Għajn, jindika bidla fl-attitudni? Jindika li sab ruħu ambjentalment jew inkella dan kollu bżar fl-għajnejn? 

Il-Partit Laburista beda l-kampanja billi għamel diversi wegħdi ta' ġonna pubbliċi, spazji pedonali u imbagħad nhar it-Tlieta ħabbar li l-marina f'Wied il-Għajn - li wasslet għal reżistenza u protesti - mhux se tkun qed issir.  

Imma dawn il-proġetti qed jindikaw li l-Partit Laburista qed ibiddel xi ftit mill-attitudni lejn l-ambjent? Sab ir-ruħ ambjentali tiegħu jew inkella dan kollu bżar fl-għajnejn għax ġejja l-elezzjoni?  

Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Sindki ta' San Ġwann u tal-Furjana - fejn il-PL qed iwiegħed li toroq jsiru ġonna u żoni pedonali, lil Desiree Attard eks Kunsilliera f'Wied il-Għajn u attivista kontra l-proġett tal-AUM fiż-Żonqor u l-marina, lill-Perit Ruben Abela li jmexxi Wirt iż-Żejtun u lill-Andre Callus, mill-Moviment Graffitti.  

Davinia Mifsud Hili
Davinia Mifsud Hili

'Filli jkollok il-karozzi u filli ġnien, hija xi ħaġa mixtieqa ħafna' 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Sindku tal-Furjana fejn il-Partit Laburista wiegħed ukoll illi Triq Sant'Anna - waħda mill-aktar toroq traffikużi kif ukoll imniġġsa f'Malta - issir pedonali, bit-traffiku jgħaddi minn taħt, permezz ta' mina.  

Fir-realtà l-idea oriġinarjament kienet tal-Perit Ian Camilleri Cassar minn DHI Periti, liema idea kienet ġiet ippubblikata u ntlaqgħet tajjeb ħafna minn bosta nies. Bi proposta bħal din Triq Sant'Anna tieħu sura kompletament ġdida u ssir waħda mill-isbaħ toroq f'Malta. Imma x-xogħol u l-flus li jridu jiġu investiti huma kbar.  

Din wegħda oħra biex nimpressjonaw qabel l-elezzjoni?  

Is-Sindku tal-Furjana Davinia Sammut Hili, li hija wkoll Kandidata tal-Partit Laburista f'din l-elezzjoni fakkret kif dan il-proġett kien diġà fil-manifest tal-PL għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-2019.  

U fil-fatt tfakkar din il-gazzetta ma sar xejn minn dakinhar.  

Sammut Hili tgħid iżda illi l-awtoritajiet kompetenti - fosthom ukoll il-Wasteserve u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsa għamlu talba biex jibda studju, kif qalet li għaddejjin bi studji wkoll Transport Malta sabiex ikun determinat dan il-proġett huwiex fattibbli f'termini ta' traffiku. Mal-ILLUM indikat ukoll li tħaffru toqob biex tkun determinata s-saħħa tal-art li taħtha kieku ssir din il-mina.  

"Bħala Sindku jiena dejjem kont naqbel ma' dan il-proġett li huwa ħolma tiegħi għall-Furjana. Nemmen illi l-fatt li triq bħal din issir pedonali tagħti dimensjoni sabiħa lill-Furjana u lil Malta. Filli jkollok il-karozzi u filli ġnien, hija xi ħaġa mixtieqa ħafna." 

Davinia Sammut Hili temmet tgħid li l-Furjaniżi laqgħu din l-aħbar b'mod pożittiv. 

Trevor Fenech
Trevor Fenech

'Il-pjanti għal dan il-proġett - li għandu l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali -  huma lesti' 

Intant f'kumment mal-ILLUM is-Sindku ta' San Ġwann Trevor Fenech esprima sodisfazzjon għall-wegħda ta' proġett li ħabbar il-Partit Laburista għall-lokalità li permezz tagħha ċ-ċentru ta' San Ġwann - ħdejn il-Knisja - ssir żona pedonali bil-ġnien Karin Grech jitkabbar u jsir ukoll parkeġġ taħt l-art.  

Fenech sostna li fil-fatt din kienet xi ħaġa li l-Kunsill Lokali kien ilu jitkellem dwarha, tant li kien lesta l-pjanti. "Il-pjanti għal dan il-proġett - li għandu l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali -  huma lesti, kemm jitilgħu għand l-Awtorità tal-Ippjanar. Nemmnu li l-fatt li l-Prim Ministru, bħal għamel l-endorsement tiegħu permezz ta' din il-wegħda, hija xi ħaġa verament pożittiva." 

Ma' din il-gazzetta s-Sindku ta' San Ġwann sostna illi bħal f'lokalitajiet oħrajn il-problema f'San Ġwann hija dik tal-iżvilupp u allura meta titwaqqa' dar li fiha kienu jgħixu erba' minn nies u minflokha titla' blokka appartamenti, li jfisser ħafna aktar nies fl-istess spazju u aktar karozzi u problemi ta' parkeġġ. Fenech sostna wkoll li San Ġwann għandu nuqqas ta' spazji miftuħa, fil-fatt fil-lokalità teknikament - lanqas pjazza ma hemm.  

"Dan il-proġett ikun ta' vantaġġ kbir u ta' benefiċċju għal San Ġwann u għall-poplu ta' San Ġwann," saħaq Fenech mal-ILLUM 

Imma din ser issir jew din bħal ħafna wegħdi fiergħa ta' qabel l-elezzjoni? Fenech jassigura illi din ser tkun qegħda ssir għaliex id-diskussjoni u l-preparamenti fuqha ilhom għaddejjin fuq livell ta' Kunsill Lokali. "Fil-fatt bħala Kunsill aħna konna qed infittxu l-fondi għal dan il-proġett. Imma naturalment dan jiswa' miljuni kbar, miljuni li l-Kunsill Lokali ma għandux." 

Huwa qal illi kif ippjanat, il-mina tibda minn ħdejn l-Iskola Primarja ta' San Ġwann, imbagħad toħroġ ftit qabel il-Knisja ta' San Ġwann, viċin l-għassa. Huwa wieġeb ukoll għall-kritika li saret sa issa u qal illi t-traffiku fit-toroq tal-ġnub ta' San Ġwann, se jibqa' l-istess propju minħabba li l-karozzi se jużaw il-mina. Qal ukoll illi rotta oħra se tkun dik li tgħaddi minn naħa ta' barra ta' San Ġwann.  

Huwa qal illi dan il-proġett se jħalli aċċess biss għall-vetturi li jidħlu fiż-żona minħabba li jkunu se jħallu xi xogħol f'wieħed mill-ħwienet fiż-żona u f'każi ta' tiġijiet u funerali.  

"Din hija pero' u bla dubju aħbar pożittiva għax proġett bħal dan inaqqas il-problema ta' parkeġġ, pero' wkoll joħloq spazju miftuħ li San Ġwann tant għandu bżonn," temm jgħid is-Sindku Trevor Fenech. 

'Passi kbar 'il quddiem... Imma għandhom jinbidlu l-Pjani Lokali' 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Ruben Abela - li kien fuq quddiem fi ġlidiet ambjentali u anke dik favur il-bdiewa tal-Buleben u wkoll imexxi l-għaqda Wirt iż-Żejtun - jekk jaħsibx li dawn il-wegħdi ta' qabel l-elezzjoni humiex riflessjoni ta' Partit Laburista li qed isib ir-ruħ ambjentali tiegħu jew inkella dan kollu hux bżar fl-għajnejn.  

Abela qal li għalkemm il-ħsara ambjentali f'pajjiżna ilha għaddejja għal snin sħaħ, "tista' tgħid f'kull leġiżlatura li kellna mill-Indipendenza 'l hawn, inħoss li l-ambjent stabbilizza ruħu bħala kwistjoni importanti fost il-Maltin matul dawn l-aħħar snin." 

Abela qal li dan huwa frott ta' diversi raġunijiet l-ewwel fosthom hija l-edukazzjoni, fejn qal illi l-ħtieġa tal-ħarsien u l-protezzjoni tal-ambjent qed tiġi mgħallma bħala parti mill-kurikulu sa miċ-ċokon.  "Għalhekk illum għandna aktar żgħażagħ u familji żgħar li jemmnu bis-sħiħ dwar dan."  

Huwa qal iżda li hemm ukoll l-effetti "ta' żvilupp eċċessiv, speċjalment matul dawn l-aħħar 10 snin, li qed jimpatta b'mod negattiv direttament u fuq il-komunitajiet tal-ibliet u l-irħula tagħna." 

Ruben Abela qal illi l-attiviżmu ambjentali, lilhinn mill-partiġġjaniżmu, qiegħed kull ma jmur, jissaħħaħ u jgħid li dan grazzi għal għaqdiet bħal Graffitti u oħrajn.   

Quote: Għalkemm dak li ġie mwiegħed f'dawn l-aħħar jiem, anke jekk waqt kampanja elettorali, huma kollha passi kbar fid-direzzjoni t-tajba, għad fadal ħafna aktar xi jsir

"Għalhekk nemmen li kien ikun żball kbir li kieku l-Partit Laburista warrab dawn ir-realtajiet u baqa' għaddej jiffavorixxi lill-iżviluppaturi flok dak li jixtieq il-poplu.  Għalkemm dak li ġie mistqar u mwiegħed f'dawn l-aħħar jiem, anke jekk waqt kampanja elettorali, huma kollha passi kbar fid-direzzjoni t-tajba, għad fadal ħafna aktar xi jsir biex tabilħaqq intejbu l-ambjent ta' pajjiżna," sostna l-perit Abela. 

Huwa kompla jgħid li hemm bżonn urġenti li jinbidlu l-Pjani Lokali u politiki "ħżiena li ġew addottati mill-2006 'l hawn" jiġu kkoreġuti u mibdula.  

Abela temm jgħid li hemm bżonn issir dikjarazzjoni ċara li ż-żoni ta' żvilupp mhu se jiġu estiżi għall-ebda raġuni, "anke jekk nafu li hemm eluf ta' talbiet għand l-Awtorita' tal-Ippjanar sabiex għelieqi u meded ta' art ikunu jistgħu jingħataw għall-iżvilupp." 

Desiree Attard
Desiree Attard

'Ikun min ikun hemm fil-Gvern, issa avżat: In-nies mhux se jħallu li jkompli jitnaqqar il-ġid komuni' 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-eks Kunsilliera Laburista f'Wied il-Għajn Desiree Attard li kienet fost l-aktar voċiferi kontra l-għoti ta' art fiż-Żonqor lill-American University of Malta, kwistjoni li ratha tidħol f'battibekki diversi mal-Kunsill u speċjalment mas-Sibdku Mario Calleja.  

Mistoqsija dwar l-aħbar li l-marina f'Wied il-Għajn fil-fatt mhux se tkun qegħda ssir u jekk tħossx li din hija deċiżjoni ta' konvinzjoni jew inkella ta' konvinzjoni hija bdiet billi qalet li l-ewwel reazzjoni tagħha kien ta' "soljev u ferħ."  

"Il-ħsara li kienet issir lill-Wied il-Għajn kieku tkompla l-proġett kienet tkun massiva u irreparabbli, mhux biss mil-lat ambjentali, imma anke soċjalment," qalet Attard. Hija sostniet mal-ILLUM li jekk dik ta' Abela kinitx deċiżjoni ta’ konvenjenza jew konvinzjoni, ma tafx.  

"Fil-fehma tiegħi, tkun deċiżjoni ta’ konvinzjoni ċara jekk jiġu aġġornati wkoll il-pjanijiet lokali, li għadna ntabbu bihom mill-2006, u li ntużaw bħala skuża biex toħroġ dil-proposta redikola," qalet Attard.  

Quote: Qed nagħżel li nkun ottimista, u ngħid li mhux biss il-Partit sab ir-ruħ ambjentali tiegħu, imma wkoll dik soċjali

"16-il sena wara, il-pjanijiet lokali żgur ma jirriflettux il-bżonnijiet u realtajiet tal-bliet u l-irħula tagħna,"  

Hija qalet li rrispettivament minn kollox, "il-Gvern ta’ wara s-26 ta’ Marzu, ikun min ikun, issa avżat: in-nies illum-il ġurnata mhux se jħallu li jkompli jitnaqqar il-ġid komuni biex igawdu l-ftit." 

Mistoqsija jekk taħsibx li proposti dwar ġonna u spazji pubbliċi humiex biss "bżar fl-għajnejn", Attard qalet li hija tifhem min ikollu din it-tip ta' reazzjoni meta jisma' proposti bħal dawn u li jikkunsidrahom gimmick elettorali.  

"It-track record ambjentali ta’ dawn l-aħħar snin żgur mhux xi ħaġa ta’ min wieħed jiftaħar bih.  Qed nagħżel li nkun ottimista, u ngħid li mhux biss il-Partit sab ir-ruħ ambjentali tiegħu, imma wkoll dik soċjali. L-ambjent, wara kollox, ma niħdux ħsiebu biss biex inħarsu lejh, iżda għax hu kruċjali għall-kwalità ta’ ħajjitna." 

Hija qalet illi temmen li l-Partit Laburista qed jinduna li ekonomija sostenibbli hija waħda li tħares lejn l-ambjent bħala ġid innifsu, "mhux bħala spazju vojt li jiflaħ jinkesa konkrit." 

Hija qalet li dan li qed tgħid jiġi kkonfermat jekk Gvern ġdid - mingħajr dewmien - "inaddaf mill-qiegħ il-policies u liġijiet li f’dawn l-aħħar snin ippermettew il-bini bla rażan, u l-prattiċi li mhux biss kerrhu lil pajjiżna, iżda wasslu biex bosta ħaddiema ħallew ħajjithom fil-post tax-xogħol," temmet tgħid mal-ILLUM Desiree Attard.  

'Dawn gimmicks... u l-bidliet meħtieġa jibqgħu ma jsirux!' 

Andrè Callus, attivist mal-Moviment Graffitti, ma tantx qagħad jomgħodha u sejjaħ proposti bħal dawk tal-Partit Laburista din il-ġimgħa bħala "gimmicks" u jgħid li la l-Partit Laburista u lanqas l-Partit Nazzjonalista qatt ma kellhom xi ruħ ambjentali.  

"L-affarijiet jinbiddlu għax in-nies jagħmlu pressjoni, kif għamlu f'Wied il-Għajn. Mill-bqija, dawn il-proġetti li qed isemmu huma gimmicks. Tant li għandi dubji serji jekk fil-fatt jistgħux jsiru. Saru studji ta' vijabbilità? Sar studju tal-impatt ambjentali?"  

Huwa qal li billi jiġi xi ħadd "u jpinġi erba' siġar fuq il-kompjuter" mhux ser jissolvew il-problemi ambjentali tal-pajjiż. Huwa qal illi Graffitti kienet elenkat diversi bidliet li hemm bżonn isiru, primarjament bidliet fil-policies u bidliet mill-qiegħ fl-awtoritajiet, iżda jgħid li dawn l-affarijiet ma jinbidlux għax jisħaq li hemm l-interess tal-kuntratturi.  

"Ma jidhirli li hemm ħadd minn bejn il-PL u l-PN li qed iwiegħed li se jbiddilhom dawn."  

"Ħaġa oħra. Intuli nitkellmu fuq ġonna fit-toroq jekk ma jitnaqqsux il-karozzi. Il-parkeġġi li se jinbnew taħt l-art xi darba se jimtlew. U dan apparti problemi u kwistjonijiet ta' skavar u skart. Ħafna drabi, anzi, proġetti bħal dawn qed jintużaw biex il-vera bidliet meħtieġa ma jseħħux," temm jgħid Andrè Callus.  

More in Politika