Wara li ġie skartat, Abela jersaq lejn Muscat

'Qisna żewġ namrati' - Prim Ministru Robert Abela

L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, li jibqa’ mfakkar għaż-żmien meta kien Prim Ministru u li fih inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed isib ħajt ta’ kenn mill-Prim Ministru Robert Abela. Dan wara li Abela, fuq medda ta’ erba’ snin, stinka fuq li stinka biex jiddistakka lilu nnifsu minn Muscat. Jidher ċar li Abela rrassenja ruħu li jibni relazzjoni ġdida ma’ Muscat wara sinjali li fil-każ tal-Vitals kontra Muscat hemm ċans li Muscat jinħeles minn kull akkuża. Safrattant, f’intervista ma’ DJ b’sentimenti mill-qrib ma’ Joseph Muscat, Abela stqarr li hu u Muscat qishom żewġ namrati.  

Sondaġġi u elezzjonijiet li saru minn mindu rriżenja Joseph Muscat f’Diċembru 2019, jidher ċar li ħafna minn dawk li kienu vvutaw għal-Labour huma rrabjati b’Muscat u ħalfu li mhux se jerġgħu jivvutaw Labour.   

Minkejja dan kollu, Robert Abela jemmen li ma jistax imur għall-elezzjoni jekk ma jkollux lil Muscat fuq il-karru tal-partit. Imma hemm min jemmen li mingħajr Muscat, il-Partit Laburista jista’ jmur aħjar. Huma bosta fil-Partit Laburista li jemmnu li l-korruzzjoni, marka tal-PL f’dan il-perjodu, mhijiex biżżejjed biex trebbaħ lill-Partit Nazzjonalista. Mhux qed jikkalkulaw imma l-arroganza tal-Partit Laburista fil-gvern li qed iddejjaq lin-nies. Imma osservaturi oħra jargumentaw li tant ġraw affarijiet f’dawn l-aħħar snin li l-elettorat m’għadux jafda lill-PL u lest anke jagħti ċans lil Bernard Grech, minkejja l-limitazzjonijiet tiegħu. L-osservaturi kollha jargumentaw li Muscat iktar iservi biex ixejjen il-votant moderat li kien ivvota għall-PL l-ewwel darba għax xtaq dakinhar politika ġdida. 

Huwa ċar issa li Abela daħal f’dak li fil-politika huwa deskritt bħala siege mentality. Sar intolleranti għall-kritika u lest jiddefendi l-indifensibbli bħalma ġara fil-każ ta’ Alex Dalli, id-Direttur li mexxa l-ħabs ta’ Kordin u kien ġie kkundannat mill-Ombudsman f’rapport. Safrattant anke dan ir-rapport ġie kkundannat minn Abela stess. 

Bil-ħbiberija ġdida li għandu Abela ma’ Muscat, m’hemmx dubju li l-iskeletri tal-passat se jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ. Fosthom il-fatt li Daphne Caruana Galizia nqatlet f’karozza bomba wara allegatament ħarġet ordni min-negozjant Yorgen Fenech li kellu rabtiet fil-qrib u negozji mal-Kap tas-Segretarjat (ta’ Muscat) Keith Schembri. U li issa qed jaffaċċja akkużi separati ma’ Schembri fil-każ tal-kumpaniji 17 Black. Mhux sigriet li Schembri hu ħaġa waħda ma’ Muscat, u li dan l-aħħar anke beda jerġa’ jagħmel kuntatt ma’ personalitajiet għoljin fil-Gvern. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-każ tal-kontijiet fil-Panama, it-tgerfix kbir fil-bank Pilatus, ir-rabtiet ma’ persunaġġi kkuluriti mill-Ażerbajġan, l-iskema taċ-ċittadini tal-passaport tad-deheb, il-każ tal-Vitals u l-mod kif Schembri u oħrajn stagħnew minn fuq dan l-iskandlu, il-każ tal-power station, u biżibilju stejjer oħra jikxfu regħba min-nies viċin Muscat li jagħmlu gwadanni personali fuq proġetti kbar tal-Gvern. 

U minkejja l-fatti kollha li jindikaw ħsieb malinn u kriminali, Abela f’dan il-mument għażel li jagħmel l-oppost u jersaq aktar viċin Muscat. U mhux ta’ b’xejn li dawk li vvutaw għall-Partit Laburista għax kien jemmnu f’bidla u f’nifs ġdid, issa qed jgħidu li dan mhuwiex il-partit li jridu jagħtu l-vot. Tant hu hekk li sondaġġi li saru issa qed juru biċ-ċar li d-distakk bejn il-PN u l-PL huwa ċkejken u jista’ sal-elezzjoni li jmiss jiċkien ferm aktar. 

More in Politika