Il-PA tirrifjuta s-Solar Farm tal-Imġarr... Graffitti tirringrazzja lir-residenti u lill-bdiewa

Ir-razzett ta' pannelli solari kien se jkun kbir daqs sitt grawnds tal-futbol...

Il-Moviment Graffitti f'messaġġ fuq Facebook żvela illi l-iżvilupp propost ta' Solar Farm (pannelli solari) fl-Imġarr fuq art agrikola u xagħri ġiet irrifjutata mill-Awtortà tal-Ippjanar. Dan il-proġett kien se jokkupa 38 tomna raba', "daqs sitt grounds tal-futbol" ifakkar il-Moviment Graffitti. Fakkru li dan l-iżvilupp kien se jsir ukoll fuq art illi fiha kien hemm diversi ħitan tas-sejjieħ, siġar tal-ħarrub, xagħri, fawna u flora protetta, kolonji tan-naħal u fdalijiet arkeoloġiċi ta’ żmien ir-Rumani.

Il-Moviment Graffitti qal illi d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar kienet waħda unanima.

"Dan il-proġett kien ser jikkawża ħsara diretta fuq il-ħidma tal-bdiewa Maltin, fuq l-ambjent naturali tas-sit u fuq Żona ta’ Importanza Arkeoloġika li tinsab f’din l-art."

Il-Moviment Graffitti faħħar lir-residenti u lill-bdiewa tal-Imġarr għall-ħidma tagħhom kontra dan il-proġett. 

Il-Partit Nazzjonalista - permezz tal-Kelliema għall-Biedja Edwin Vassallo - ukoll kienu esprima oppożizzjoni għal dan il-proġett li - anke jekk għal skop ta' enerġija nadifa - kien se jkun qed jieħu aktar art agrikola.

Din l-aħbar tiġi ġimagħtejn wara illi l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li Marina f'Wied il-Għajn mhux se tkun qegħda ssir, wara xhur ta' protesti u anke oppożizzjoni minn residenti u diversi għaqdiet lokali, kif ukoll il-Moviment Graffitti.

More in Politika