Inawgurata l-ewwel fażi tal-proġett tal-pixxina tas-Sirens f'San Pawl il-Baħar

L-investiment li qed isir f’dan il-proġett jara l-bini ta’ tliet pixxini, tnejn barra u oħra fuq ġewwa. Il-pixxina għandha qies ta’ 33 metru b’25 metru u hija approvata mill-FINA

Ġiet inawgurata l-ewwel fażi tal-proġett tal-Pixxina ta’ Sirens ASC, b’investiment ta’ €3 miljun, u li issa tista’ tibda titgawda b’mod riġenerat mill-pubbliku. Dan huwa proġett ieħor f’faċilità state-of-the-art, b’investiment fl-atleti u fl-isport akwatiku.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima qal li dan huwa proġett ieħor li permezz tiegħu se tgawdi l-komunità u se tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. “Aħna nemmnu b’impenn li l-isport huwa parti essenzjali mill-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin. U huwa għalhekk li f’dawn l-aħħar snin investejna bla preċedent fis-settur sportiv, biex ngħollu l-livell tal-faċilitajiet sportivi li għandna fil-gżejjer Maltin”.

Huwa ħabbar li bil-ftehim li ntlaħaq, il-pixxina se tkun imsaħħna fix-xhur tax-xitwa. “Aħna impenjati li ntejbu l-faċilitajiet sportivi. Anke hawnhekk qed naraw li l-atleti tagħna jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet matul is-sena kollha, mingħajr inkonvenjent u fl-ambjent li jkunu draw jitħarrġu fih”, spjega l-Ministru Grima.

L-investiment li qed isir f’dan il-proġett jara l-bini ta’ tliet pixxini, tnejn barra u oħra fuq ġewwa. Il-pixxina għandha qies ta’ 33 metru b’25 metru u hija approvata mill-FINA (Fédération Internationale de Natation) li huwa ċertifikat tal-ogħla standards internazzjonali. Din il-pixxina se sservi mhux biss għat-timijiet tal-waterpolo ta’ Sirens imma wkoll għall-għexieren ta’ għawwiema li fl-aħħar snin żdiedu fit-timijiet tal-għawm tal-klabb.

L-għan huwa li meta titlesta, din il-faċilità sservi ta’ ċentru reġjonali għall-isport tal-għawm. Il-proġett jinkludi t-titjib tal-pixxina u l-faċilitajiet marbuta, fosthom changing rooms, toilets, stands għall-ispettaturi u twessigħ tal-użu tas-sit billi fil-livell ta’ taħt se jiżdiedu gym u diving centre. Il-klabb akwatiku Sirens ASC iħarreġ atleti fl-għawm, fl-għawm sinkronizzat u fil-waterpolo.

Dan huwa proġett ieħor li qed tieħu ħsieb SportMalta li twaqqfet bil-għan li tmexxi lil pajjiżna lejn l-iżvilupp tal-isport għal Malta b’saħħitha, inklużiva u ta’ suċċess fis-settur. “Bil-faċilitajiet kollha li qed nieħdu ħsieb li nibnu, intejbu u wkoll nirriġeneraw, qed nagħtu lill-atleti u lill-isportivi dak li ħaqqhom – faċilitajiet tal-aqwa livell u ta’ standards internazzjonali”, qal il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar.

Il-President ta’ Sirens ASC Lino Vella fisser l-importanza ta’ dan l-investiment u saħaq li din il-pixxina tal-ogħla livell se tgħin lill-atleti jitħarrġu bl-aktar mod professjonali u jkunu jistgħu jeċċellaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

More in Politika