It-Teatru Manoel u General Workers Union (GWU) għadhom kif iffirmaw ftehim kollettiv ġdid li permezz tiegħu l-ħaddiema tat-Teatru Nazzjonali se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar. Dan jinkludi żieda fil-pagi, kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-familja u varjeta ta' strutturi ġodda għas-salarji tal-ħaddiema bil-għan li jkompli jikbru fil-karriera tagħhom.
"Il-benesseri u d-drittijiet tal-impjegati tagħna huma ta’ prijorità għalina u għalhekk konna ħerqana li naslu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim," qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit.
Huwa żied jgħid li jħossu kburi li ntlaħaq dan il-fehim għaliex jemmen bi sħiħ fuq kundizzjonijiet tajbin fuq il-post tax-xogħol u "wara kollox l-akbar assi li ssib f'kull xogħol huma l-ħaddiema."
Intant huwa rringrazzja lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Govern Lokali Owen Bonnici u lis-Segretarju Permanenti Joyce Dimech hekk kif kienu parti mill-kollaborazzjoni biex dan il-ftehim kollettiv isir.