Grech jisħaq li l-Oppożizzjoni hija żvantaġġata finanzjarjament minħabba l-poter tal-Gvern
Grech qal dan meta mexxa delegazzjoni tal-Oppożizzjoni waqt laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ
More in Politika
Grech qal dan meta mexxa delegazzjoni tal-Oppożizzjoni waqt laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilmenta dwar dak li sejjaħlu bħala nuqqas ta’ “level-playing field” fil-finanzjament tal-partiti.
Huwa qal dan meta kien qed jindirizza l-Kamra tal-Kummerċ, flimkien ma’ 12-il Deputat tal-Oppożizzjoni. Grech wieġeb għal punt li tqajjem mill-President tal-Kamra, Marisa Xuereb dwar bżonn li l-partiti politiċi jkunu “trasparenti u sostenibbli” fil-finanzi tagħhom.
Grech fakkar li f’Malta ma teżistix sistema fejn l-Istat jiffinanzja l-partiti politiċi u insista li l-partit fil-Gvern juża l-poter għall-benefiċċju tiegħu, xi ħaġa, li fi kliemu, l-Oppożizzjoni ma tistax tagħmel.
Fl-aħħar jiem, Grech ammetta iswed fuq l-abjad dak li rrapportat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li l-PN għandu dejn ta’ €32 miljun.
Xuereb tkellmet ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar maturità politika fil-ħatra ta’ persuni fi rwoli kostituzzjonali. Grech saħaq li huwa miftuħ għad-diskussjoni.
Wara sena, il-Gvern u l-Oppożizzjoni għadhom ma qablux fuq min għandu jkun l-Ombudsman il-ġdid. Il-ħatra tiegħu għandha bżonn il-vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra. Apparti minn hekk, dalwaqt il-Parlament se jkollu jivvota u jaqbel fuq il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards u anke fuq il-ħatra tal-President tar-Repubblika fi żmien sentejn.
“Jiena nibqa’ miftuħ biex jintlaħaq kunsens ... imma l-maturità politika ma tfissirx li dejjem trid tgħid iva,” insista Grech waqt li saħaq li l-Gvern għandu jitratta l-Oppożizzjoni b’rispett.
Dwar dak li qal il-Ministru Clyde Caruana, jiġifieri li Malta se tkun qed twettaq riforma fuq it-taxxa tan-negozji, Grech insista li hemm bżonn ħafna aktar konsultazzjoni dwar dan.
Saħaq li fuq din ir-riforma, l-Oppożizzjoni ma kinitx ikkonsultata.
Tkellem ukoll dwar l-ogħli tal-ħajja u insista li dan qed inaqqar il-kwalità tal-ħajja ta’ diversi persuni u familji. Insista li l-pajjiż għandu bżonn isaħħaħ is-setturi ekonomiċi u anke joħloq setturi ġodda.