Titneħħa l-klassifikazzjoni tal-pajjiżi barranin għall-finijiet ta’ vjaġġar
Min-nhar it-Tnejn l-ivjaġġar lejn Malta se jiddependi biss fuq l-immunità tal-individwu
More in Politika
Min-nhar it-Tnejn l-ivjaġġar lejn Malta se jiddependi biss fuq l-immunità tal-individwu
Min-nhar it-Tnejn, 9 ta’ Mejju 2022, se jonqsu l-miżuri restrittivi marbuta mal-ivjaġġar lejn pajjiżna u dan billi se jitneħħew ir-referenzi għal-listi ħomor u ħomor skuri tal-ivjaġġar.
Billi mhuwiex se jkun hemm iżjed distinzjoni bejn pajjiżi, se jitneħħa l-bżonn tal-awtorizzazzjoni għall-ivjaġġar mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika għal vjaġġar minn pajjiżi li sa issa kienu jitqiesu fuq il-lista l-ħamra skura.
Għaldaqstant, min-nhar it-Tnejn l-ivjaġġar lejn Malta se jiddependi biss fuq l-immunità tal-individwu u għalhekk se jibqa’ l-bżonn obbligatorju li qabel persuna ttir lejn pajjiżna tkun fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika jew ċertifikat ta’ rkupru rikonoxxut mill-Awtoritajiet Maltin, jew PCR test negattiv li ma jkunx ittieħed iżjed minn 72 siegħa qabel il-wasla f’ pajjiżna jew 24 siegħa fil-każ ta’ rapid test. Fil-każ li persuna ma tippreżenta l-ebda waħda minn dawn id-dokumenti mal-wasla f’ Malta se tkun mandatorja kwarantina ta’ 10 ijiem, li tonqos għal 7 ijiem jekk isir test li jirriżulta fin-negattiv.
It-tfal ta’ taħt is-6 snin huma eżentati milli juru ebda waħda minn dawn l-imsemmija dokumenti.
Din it-tneħħija tal-miżuri qed issir wara li iktar kmieni din il-ġimgħa tneħħa wkoll il-bżonn li persuna tippreżenta Passenger Locator Form meta tivvjaġġa lejn pajjiżna.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa saħaq li din il-mixja lejn in-normalità qed issir b’responsabbiltà u bis-saħħa tal-programm tat-tieni doża tal-booster tal-vaċċin li qed tiġi offruta lill-iżjed persuni vulnerabbli fis-soċjetà. Huwa appella lill-persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena, li bdew jirċievu l-ittri ta’ appuntamenti għall-vaċċin, sabiex jaċċettaw din l-istedina u jipproteġu ruħhom.