Tony Sultana jieħu post Mario Cutajar bħala Segretarju Permanenti Ewlieni

Din il-ħatra, approvata mill-Kabinett tal-Ministru, se tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta' Ġunju

Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approvat in-nomina tas-Sur Tony Sultana bħala Segretarju Permanenti Ewlieni, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. In-nomina ta' Sultana tressqet quddiem il-Kabinett tal-Ministri mill-Prim Ministru Robert Abela. Wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, in-nomina ntbagħtet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li l-approvazzjoni tagħha għaddiet għand il-President tar-Repubblika biex issir il-ħatra. Din il-ħatra issa tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Ġunju 2022.

Fl-aħħar snin Sultana mexxa l-Malta Information and Technology Agency fl-irwol ta’ Chairman Eżekuttiv. Hu għandu 36 sena esperjenza fis-settur pubbliku u mexxa bidliet importanti biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku. Tul is-snin kien fdat bi proġetti maġġuri bħalma kienu t-tmexxija tal-Euro IT Task Force u sistemi ġodda fis-settur tal-enerġija. Is-Sur Sultana hu kwalifikat fil-Matematika u l-Computing mill-Università ta’ Malta u fl-immaniġġjar millUniversità ta’ Anglia fir-Renju Unit.

Il-Kabinett tal-Ministri rringrazzja wkoll lis-Sur Mario Cutajar tal-ħidma tiegħu bħala Segretarju Permanenti Ewlieni fl-aħħar snin.

More in Politika