Alex Perici Calascione qed jikkunsidra serjament li jikkontesta għall-Viċi Kap tal-PN

Calascione qiegħed jissemma bħala wieħed mill-aktar persuni favoriti biex jikkontesta din il-kariga anke minħabba l-esperjenza tiegħu fl-istrutturi tal-PN fosthom bħala Teżorier

Alex Perici Calascione huwa wieħed mill-aktar persuni favoriti u li qed jissemmew biex jikkontesta l-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dawk li huma interessati għal din il-kariga, għandhom ċans sa għada f’nofsinhar biex jitfgħu l-formola biex jiddikjaraw l-interess tagħhom. Sa issa ħadd għadu ma' mar id-Dar Ċentrali b’din il-formola.

F’kummenti mal-MaltaToday, Calascione kkonferma li qed “jikkunsidra b’serjetà” li jikkontesta waqt li spjega kif fl-aħħar jiem diversi persuni avviċinawh u ħeġġewh joħroġ.

Insista li fost dawn kien hemm diversi persuni li huma viċin tiegħu, ħadem magħhom u jafdahom.

Dawk li qed isemmu lil Perici Calascione qed jisħqu dwar il-fatt li hu għandu l-esperjenza u jaf x’għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista, kemm għax  kien President tal-Eżekuttiv u anke għax kien Teżorier.

Huwa mhuwiex Membru Parlamentari u għalhekk dan jagħtih aktar spazju u ħin biex jaħdem għall-Partit.

Huwa kien ikkontesta għall-Kap tal-PN fl-2017, flimkien ma’ Adrian Delia, Chris Said u Frank Portelli.

Ismijiet oħra li qed jissemmew huma Graziella Galea u Janice Chetcuti, anke għax il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech jidher li wera x-xewqa li l-Viċi Kap il-ġdid tkun mara.

Galea wkoll qalet li qed tikkunsidra l-kariga iżda Chetcuti qalet li mhux se tikkontesta f’kummenti ma’ Lovin Malta.

More in Politika