'Dawn mhumiex żbalji' - Repubblika ssejjaħ mill-ġdid għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali
Repubblika qalet li l-messaġġ li ntbagħat illum huwa li min hu onest mhux se jkun imħares u protett
More in Politika
Repubblika qalet li l-messaġġ li ntbagħat illum huwa li min hu onest mhux se jkun imħares u protett
L-organizzazzjoni Repubblika talbet mill-ġdid għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Victoria Butigieg wara li żball min-naħa tal-Uffiċċju tagħha wassal biex il-Qorti teħles lill-Avukati ta' Yorgen Fenech mill-akkużi ta' tixħim.
Fi stqarrija, Repubblika qalet li huwa inaċċettabli li f’pajjiż demokratiku u ċiviliżżat jiġri dak li ġara llum f'din il-kawża.
"Il-Qorti sabet li kien veru li dawn iż-żewġ avukati pruvaw ixaħħmu lill-ġurnalista Ivan Martin. Imma minhabba dak li għamlet l-Avukat Ġenerali, il-Qorti ma setgħetx issibhom ħatja. Din hija sitwazzjoni mill-aktar gravi," qalet l-organizzazzjoni.
Saħanistra qalet li dawn mhumiex żbalji u l-messaġġ li ntbagħat illum huwa li min hu onest mhux se jkun imħares u protett.
"Illum min ħaseb li bil-flus se jagħmel kollox, anke jixtri ġurnalist, biex iqawwi qalbu għax l-Istat ta’ Malta se jħarsu. Huwa inaccettabli li Gvern demokratiku jibqa’ ċass quddiem ħmieġ bħal dan. Is-saltna tad-dritt, fejn kulħadd huwa indaqs quddiem il-liġi u fejn il-liġi hija l-istess għal kuhadd, tfisser li trid tintrefa’ responsabiltà għal nuqqasijiet gravi bħal dawn," kompliet Repubblila
Qalet li l-Parlament għandu l-għodda biex jindirizza dawn is-sitwazzjonijiet jekk l-Avukat Ġenerali ma titlaqx minn jeddha. Jekk ma jsirx hekk, Repubblika qalet li l-Parlament ikun qed jikkonferma li l-liġijet li jagħmel mhumiex l-istess għal kulħadd.
"Infakkru li ftit ilu, deċiżjoni tal-istess Avukat Ġenerali, persuna li sparat fuq il-Pulizija waqt li kienu qed jisfrattaw is-serqa mill-HSBC, wasslet biex dan franka snin ħabs u lanqas biss xehed. Pajjiżna ma jistax jibqa’ sejjer hekk," temmet tgħid l-istqarrija.