40 persuna li kienu qed jgħixu f’Malta b’mod illegali ġew arrestati u minnufih beda l-proċess biex dawn ma jibqgħux jgħixu f’Malta.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà saħaq li l-operazjoni ta’ dalgħodu kienet parti minn ħidma biex tkun assigurata l-osservanza tal-liġijiet u “li l-lokalitajiet tagħna jibqgħu siguri.”
Kmieni dalgħodu, il-Pulizija flimkien mas-Servizz tad-Detenzjoni u d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, għamlu spezzjonijiet fil-lokalitajiet tal-Marsa, il-Ħamrun, u Ħ’Attard.
Huma tkellmu ma’ diversi nies ta’ nazzjonalitajiet differenti fi spezzjonijiet li saru fit-toroq, bus stops, kif ukoll binjiet.
F’dawn il-binjiet instab li qed jgħixu għadd ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija, f’kundizzjonijiet ħziena u mingħajr permess li jkunu f’pajjiżna.
Wara li staqsiet għad-dokumentazzjoni, il-Pulizija arrestat 40 persuna li ma kellhomx il-permess biex jibqgħu jgħixu f’Malta.
L-awtoritajiet se jkunu qed jinvestigaw ukoll is-sidien tal-postijiet fejn jgħixu dawn il-persuni.
“Din il-ħidma tingħaqad ma’ operazzjonijiet simili li jsiru b’mod konsistenti ta’ kull ġimgħa u għandha l-għan li tibgħat messaġġ ċar – li l-komunitajiet tagħna jħaddnu l-prinċipju tal-osservanza tal-liġijiet biex min jgħix fihom iħossu dejjem sigur,” saħaq il-Ministeru.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru aktar operazzjonijiet simili, anke f’Għawdex.