L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-proġett tal-Marsa, wara storja żvelata l-Ħadd li għadda li Yorgen Fenech - akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia - allegatament kellu sehem fil-kuntratt tal-Proġett ta-Marsa u allegatament kien se jitħallas €2 miljuni minn dan il-proġett, bħala commission biex dan il-proġett ma jaqax. Dan wara illi l-kumpanija li rebħet it-tender - Ayhalnar - kienet spiċċat bla flus u daħal għall-proġett il-biljunarju Robert Yildrim.
Waqt il-Konferenza il-President tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi d-Deputat Darren Carabott, li indirizza l-konferenza flimkien mad-Deputati Graham Bencini u Karol Aquilina, qal li l-PN qed jagħmel sitt talbiet: L-ewwelnett li jkun stabbilit jekk sarx proċess ġust, koerenti u/jew diliġenti, ibbażat fuq prinċipju ta’ governanza tajba fl-għażla tal-kumpanija Ayhanlar Yol Asfaltama, it-tieni jekk sarx dan l-istess proċess li permezz tiegħu ntagħżlet il-kumpanija ta' Yildrim - Shining Star Infrastructure & Construction, it-tielet jekk il-Gvern użax id-diliġenza mistennija biex għażel lil din il-kumpanija Torka u jekk l-allegat ftehim ta' €2 miljuni kellhomx jgħaddu minn min rebaħ it-tender lil kumpaniji ta' Yorgen Fenech, inkluż 17 Black. U finalment il-PN qed jitlob ukoll lill-awditur biex jinvestiga jekk il-Gvern setax jaqbad u jassenja kuntratt ta’ €40 miljun lill-kumpanija Shining Star Infrastructure & Construction Co. Limited "meta kienet lanqas għadha ġiet irreġistrata fil-mument illi beda u spiċċa l-proċess tal-aġġudikazzjoni tas-sejħa pubblika għall-offerti."
Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina, ħabbar li kien mar għand il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u ppreżenta ittra fejn talab lill-Kummissjoni biex tinvestiga dan il-każ skont dak li jipprovdi l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
Il-Kummissjoni hija indipendenti u l-Partit Nazzjonalista qal li għalhekk jistenna li din twettaq l-investigazzjoni u jkun hemm konklużjonijiet.