Il-PM Abela jinawgura fabbrika ġdida f'San Ġwann b’investiment ta’ €8 miljun

Pet Nutrition House hija l-ewwel kumpanija fl-industrija tal-ikel għall-annimali f’pajjiżna, li tesporta l-prodotti tagħha f’70 pajjiż.

Il-PM waqt l-inawgurazzjoni
Il-PM waqt l-inawgurazzjoni

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura fabbrika ġdida fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann b’investiment ta’ €8 miljun. Pet Nutrition House hija l-ewwel kumpanija fl-industrija tal-ikel għall-annimali f’pajjiżna, li tesporta l-prodotti tagħha f’70 pajjiż.

Abela qal li negozji bħal dawn huma parti kruċjali mis-suċċess ekonomiku ta’ Malta.  "Huwa għalhekk, li l-Gvern baqa’ jinvesti fin-negozji, mhux biss biex isalvaw quddiem l-isfidi iżda biex jibqgħu jikbru u jibdlu bil-għan li jkunu aktar innovattivi u sostenibbli." Huwa kompla jispjega li dan l-appoġġ, in-negozji qegħdin jirċevuh anke fi żmien ta’ sfidi internazzjonali. Dan billi fakkar li l-Gvern qed iġorr il-piż taż-żidiet fl-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. 

B’referenza għall-prodotti li qed jiġu mmanifatturati f’din il-fabbrika, il-Prim Ministru qal li dawn qed jimbuttaw il-brand “made in Malta”, "għaliex filwaqt li ta’ kuljum ifittex l-investiment barrani, il-Gvern huwa kburi li n-negozji Maltin qegħdin jilħqu dawn it-tip ta’ livelli."

Abela kkonkluda li dan l-investiment jirrappreżenta l-viżjoni tal-gvern għan-negozju f’Malta, jiġifieri li jimraħ f’setturi ġodda, jinvesti fis-sostenibbiltà tal-produzzjoni u joffri impjiegi ta’ kwalità.

Id-Direttur ta’ Pet Nutrition House Matthew Wismayer stqarr li s-suċċess tal-kumpanija huwa bbażat fuq l-innovazzjoni, servizz ta’ eċċellenza, u prodott ta’ kwalità. Spjega li fl-isfond tal-isfidi internazzjonali li qegħdin ngħixu, is-sussidju tal-enerġija mill-Gvern huwa element importanti għan-negozju. Ikkonkluda li l-investiment li għamlet il-kumpanija, jikkumplimenta l-viżjoni tagħhom biex ikomplu jwessgħu l-firxa ta’ prodotti li joffru fis-suq lokali u anke internazzjonali.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.

More in Politika