Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel sospiż wara allegazzjonijiet kontrih
Fi stqarrija, il-Ministru Owen Bonnici qal li rrefera dak li sab bord estern u awtonomu lill-Pulizija
More in Politika
Fi stqarrija, il-Ministru Owen Bonnici qal li rrefera dak li sab bord estern u awtonomu lill-Pulizija
Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit ġie b’effett immedjat sospiż b’nofs paga mill-bord ta’ tmexxija tat-Teatru Manoel, u dan wara li l-istess bord irċieva din ir-rakkomandazzjoni f'rapport magħmul minn bord estern u awtonomu li twaqqaf biex jgħarbel għadd ta’ allegazzjonijiet li saru.
Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministeru responsabbli mill-Kultura li iżda ma tax aktar informazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet li waslu għas-sospensjoni ta' Zammit.
L-istqarrija qalet biss li l-Ministru Owen Bonnici rrefera l-istess rapport lill-Pulizija u se jkun qed jitwaqqaf board ta’ dixxiplina biex jisma’ u jiddetermina l-każ.
Intant, Edward Zammit, li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Spazju Kreattiv, ġie maħtur b’effett immedjat Aġent Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel.
B’hekk is-Sur Edward Zammit se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Aġent Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel b’żieda mar-rwol li għandu ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Spazju Kreattiv.
Din kienet it-tielet sospensjoni għas-settur Kulturali fl-aħħar ġimgħat.
F'każ separat, il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali, Sigmund Mifsud, tressaq il-Qorti akkużat li ħeba evidenza wara li allegatament talab impjegati biex ma jitkellmu xejn dwar l-iskandlu ta' fastidju sesswali, fl-istess orkestra.
Ftit jiem qabel, uffiċjal għoli fi ħdan l-Orkestra Nazzjonali ammetta fil-Qorti u ngħata sentenza sospiża, li kien ta' fastidju sesswali lil membru tal-istess orkestra fuq perjodu ta' tliet snin.