Iċ-Chairperson tal-ADPD se jikkontesta l-elezzjoni każwali għall-Kunsill ta' San Ġiljan

Fl-2019, Cacopardo kkontesta għal dan il-Kunsill Lokali f'isem l-Alternattica Demokratika u fl-ewwel għadda ġab 151 vot

Iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo se jkun qed jitfa' n-nomina għall-elezzjoni każwali li se ssir għal post battal fuq il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan.

Il-post tbattal mill-eks Sindku Albert Buttigieg li ġie elett bħala Membru Parlamentari wara elezzjoni każwali fl-10 distrett, wara l-mewt ta' Robert Arrigo.

Fl-2019, Cacopardo kkontesta għal dan il-Kunsill Lokali f'isem l-Alternattiva Demokratika u fl-ewwel għadda ġab 151 vot. 

“Qed nitfa’ n-nominazzjoni tiegħi b’rispett lejn il-votanti. Aħna bħala partit dejjem sħaqna li l-vot hu b’saħħtu biżżejjed biex jintuża lilhinn mil-limiti mposti mill-partiti politiċi l-oħra. Kuntrarju għall-partiti l-oħra aħna dejjem inkoraġġejna dak li nsejħulu “cross party voting” jiġifieri li l-vot ma jkunx eserċitat b’mod restrittiv iżda b’mod li jagħti apprezzament lill-kandidati kollha lilhinn mill-kulur politiku li miegħu huma assoċjati," qal Cacopardo. 

Insista li wħud mill-votanti dan jagħmluh.

Spjega kif meta ġew mgħaduda l-voti fl-elezzjoni tal-2019 għall-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, fit-tieni għadd tal-voti, 6.33% tal-voti miksuba mill-kandidat Albert Buttigieg kienu jkomplu fuq partiti, li mhumiex il-partit li miegħu ikkontesta huwa.

Insista li dan jista’ jirrepeti ruħu anke fl-għadd waqt l-elezzjoni każwali kif jiġri diversi drabi fl-elezzjonijiet lokali.

“Da parti tiegħi, irrispettivament minn xi jkun irriżultat, onorat li ngħatajt l-opportunità li nservi. Il-parti tiegħi għamiltha,” temm jgħid Cacopardo.

Għal diversi snin Cacopardo kien voċiferu kontra l-iżvilupp bla rażan li għaddej kullimkien, inkluż f'San Ġiljan u l-madwar. 

More in Politika