Nhar il-Ħadd 13 ta' Novembru jiġu mfakkra l-vittmi taż-żewġ Gwerer Dinjija u bħas-soltu l-Kumitat Festi Nazzjonali ħabbar il-programm ta' dan il-jum.
Għal din l-okkażjoni ser tkun konċelebrata quddiesa fil-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta fid-9:30 ta’ filgħodu.
Din se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna – Arċisqof ta’ Malta. L-istess quddiesa ser tixxandar b’mod dirett fuq TVM.
Qabel il-quddiesa, il-President ta' Malta jispezzjona l-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta' Malta, bis-sehem tal-Banda tal-Forzi Armati.
Wara l-quddiesa, fil-10:40 ta’ filgħodu, issegwi ċ-ċerimonja ta' tifkira ħdejn il-Monument tal-Gwerra, fil-Furjana.
Matul din iċ-ċerimonja jitqiegħdu kuruni tal-fjuri mal-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u persuni distinti oħra.
Il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra jiffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal matul iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni.