Il-Gvern se jkun qed iħalli lill-Pulizija twettaq l-investigazzjonijiet kollha tagħha dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-proġett tal-Junction tal-Marsa.
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk huwiex inkwetat bl-allegazzjonijiet li qed isiru u jekk hux se jieħu passi biex jassigura li dawn ikunu investigati.
Madanakollu, il-Prim Ministru qal li huwa f’idejn il-Pulizija li twettaq dawn l-investigazzjonijiet mingħar indħil mill-Gvern.
“Il-każ huwa f’idejn il-Pulizija u l-Pulizija għandha titħalla tagħmel l-investigazzonijiet tagħha,” qal Abela.
Ilbieraħ, il-kandidat indipendenti, Arnold Cassola, għadda sensiela ta’ chats bejn Yorgen Fenech u l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi
Cassola qal li ċ-chats jinkludu imejls bejn Fenech u anke kumpaniji Torok li eventwalment ingħataw dan il-kuntratt. Qal li dawn għaddew għandu minn whistleblowers anonimi.
Insista li dawn jinkludu evidenza ċara ta’ illegalitajiet f’dan il-kuntratt u li jinkludu prova ċara li l-kumpanija tal-biljunarju Tork Robert Yildirim kienet il-favorita li tirbaħ dan il-kuntratt qabel il-kumpanija Torka ta’ Ayhanlar Yol Asfaltlama.
Ta’ min ifakkar li dan wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali tal-pajjiż diġà qed ikun skrutinat minn prosekuturi Ewropej.
It-Times of Malta żvelat li Yorgen Fenech kien imwiegħed €2 miljun mingħand il-kumpanija Torka ta’ Ayhanlar Yol Asfaltlama biex jgħinhom jirbħu dan il-kuntratt.
Dawn il-flus kellhom jinqasmu, b’miljun minnhom jidħlu fil-kumpanija New Energy Supply Limited filwaqt li l-miljun l-ieħor kellhom jidħlu fil-kumpanija Wings Investments li hija marbuta mal-kumpanija sigrieta 17 Black.
It-Torok rebħu dan il-kuntratt f’Lulju tal-2018 iżda ftit wara fallew u x-xogħlijiet kienu waqfu. Minn taħt, il-kuntratt kien għadda f’idejn Yildirim, anke jekk dan ma kellu l-ebda esperjenza fil-qasam.