Andrea Prudente, il-mara Amerikana li ma tħallitx ittemm it-tqala meta kienet Malta, qed tifttex bil-Qorti għall-malafama lill-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u anke lill-akkademiku Simon Mercieca.
Kemm Azzopardi u anke Mercieca qalu li Prudente u żewġha nġiebu Malta apposta biex it-tqala tagħha, li ma kinitx vijabbli, tqajjem kontroversja sħiħa u eventwalment, il-Gvern ibiddel il-liġi fejn jidħol l-abort f'każi simili.
Iż-żewġ libelli ġew ippreżentati mill-attivisti u l-Avukata Lara Dimitrijevic.
Prudente kienet fetħet każ Kostituzzjonali kontra l-Istat Malti għax qed tisħaq li d-drittijiet fundamentali tagħha ġew miksura meta ma tħallitx ittemm it-tqala f'Malta, minkejja li din ma kinitx vijabbli.
Madanakollu, l-Istat qed jisħaq li anke jekk inqalgħu kumplikazzjonijiet fit-tqala, il-ħajja ta' Prudente ma kinitx fil-periklu.
Bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti emenda li ressaq il-Gvern Malti bil-għan li l-abort f'Malta jkun permessibbli meta s-saħħa (mhux il-ħajja biss) tal-omm tkun fil-periklu minħabba mard fiżiku jew inkella mentali.
Fil-kummenti tiegħu dwar Prudente u li din (skontu) inġiebet Malta bi pjan, Azzopardi qal ukoll li dak li kiteb mhijiex xi teorija iżda huwa fatt oġġettiv li seħħ.
Dimitrijevic ikkritikat ukoll il-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista dwar Prudente. Fi kliemha, jekk ma għandhomx "id-diċenza" li jitolbu skuża għall-kummenti tagħhom, l-uniku triq li għandhom hija li "jirriżenjaw."
Aqra wkoll: