Ibieraħ fil-Parlamenrt kien ippubblikat il-kuntratt li ingħata Alex Dalli - li kellu jirriżenja minn Direttur tal-Ħabs wara kullana ta' mwiet u akkużi serji fil-konfront tiegħu u ta' kif kien qed imexxi l-Ħabs. Tant hu hekk li Dalli kien kostrett li jirriżenja, iffaċċjat b'mewġa ta' kritika li kienu qed iseħħu wisq imwiet u li kien ukoll qed juża dixxiplina kważi militari biex imexxi Kordin.
Intant il-kuntratt - li huwa validu għal sena - juri kif f'allowances biss Dalli qed jirċievi xejn inqas minn €57,717. Dan ifisser li kważi f'allowances biss Dalli qed jaqla' viċin il-paga li jaqla' Prim Ministru kull sena. Dan huwa - ovvjament - apparti l-paga li hija ta' €36,794.
Apparti dawn il-ħlasijiet Dalli qed jirċievi wkoll €1,800 f'allowance ta' komunikazzjoni u €300 allowance għall-ispejjeż.
Dan ifisser b'kollox, li ċ-ċaqlieqa ta' Dalli minn Kordin għal dak li qed jissejjaħ 'Envoy' Malti għal-Libja qed tiswa' lill-pajjiż paga ta' €96,611.
U dan mhux kollox, hekk kif f'każ ta' persuna li tkun miżżewġa l-Allowance jerġa' jogħla għal total €64,130 sabiex ikopri lill-persuna l-oħra mal-Envoy. Dan ikun ifisser illi Dalli jaqla' €103,024 fis-sena.
Il-kuntratt ma' Dalli jagħlaq dan ix-xahar.
Din l-informazzjoni ngħatat lill-Parlament mill-Ministru Byron Camilleri, għad-Domanda Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.