Titnieda l-istrateġija ta' Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 għall-konsultazzjoni pubblika

Din l-istrateġija tkompli tibni fuq id-dokument ta' Viżjoni 2050 u l-Aġenda 2030 dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli nediet għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050, bil-għan li tistabbilixxi l-prijoritajiet u l-għanijiet ta’ pajjiżna għall-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli sas-sena 2050.

L-istrateġija hija msejsa fuq ħames għanijiet strateġiċi prinċipali. Dawn jinkludu it-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ekonomija ħadra u ekonomija blu; il-preservazzjoni tal-iżvilupp urban sostenibbli u l-wirt kulturali; ħajja b’saħħitha u benesseri għal kulħadd; trasformazzjoni diġitali, il-mobiltà intelliġenti u l-konnettività; kif ukoll ġustizzja soċjali u prosperità għal kulħadd.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet dwar il-bżonn ta’ impenn kollettiv kemm mill-entitajiet kollha konċernati u anke mis-soċjetà biex jintlaħqu l-miri ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ din l-istrateġija. “Dan huwa essenzjali sabiex nħarsu ‘l quddiem u nbiddlu f’opportunitajiet id-diffikultajiet u l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni,” qalet il-Ministru Dalli.

L-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 tkompli tibni fuq id-dokument ta’ Viżjoni 2050, li ġie adottat fl-2018 kif ukoll l-Aġenda 2030 dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. L-istrateġija tfasslet mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-istess Ministeru wara konsultazzjoni estensiva mal-Ministeri, Entitajiet u Dipartiment Governattivi kif ukoll diversi għaqdiet volontarji u partijiet interessati. L-istess Direttorat se jkun ukoll responsabbli għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija, permezz tat-tfassil ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 b’miżuri konkreti.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 se tkun miftuħa sa nhar il-Ħamis, 9 ta’ Frar 2023. Sabiex taqra din l-Istrateġija u tagħti l-fehmiet tiegħek, żur: https://sustainabledevelopment.gov.mt/mt/l-istrategija-ta-malta-ghall-izvilupp-sostenibbli-2050/

More in Politika