F’ittra konġunta lill-Ministri Miriam Dalli u Silvio Schembri l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa u l-Moviment Graffitti elenkaw l-inkonvenjenzi kbar li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti u l-ħaddiema fl-inħawi diversi ta’ Birżebbuġa, Bengħisa u Ħal Far, minħabba l-irwejjaħ li sejjħu "insapportabbli" u d-dranaġġ li qed tarmi l-fabbrika l-ġdida tal- Aquaculture Resources Ltd. li tipproċessa l-fdalijiet tat-tonn f’Ħal Far.
Huma qalu li f’diversi okkażjonijiet fil-jiem li għaddew, it-toroq spiċċaw saħansitra mgħarrqa bl-iskart tal-ħut u l-madwar imtela’ bi rwejjaħ tal-biża’. "Dawn l-irwejjaħ kienu ineżistenti fl-inħawi kollha ta’ Birżebbuġa u l-madwar sakemm bdiet topera din il-fabbrika," qalet l-għaqda ta' residenti u l-Moviment Graffitti.
Filwaqt li ż-żewġ għaqdiet innutaw l-istqarrija maħruġa mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa rigward laqgħa li saret mal-ERA u mal-Water Services Corporation, u japprezzaw l-isforzi tal-Kunsill sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema, huma jinsistu li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-awtoritajiet mhux se jsolvu din il-problema kbira li intortament ir-residenti u l-ħaddiema milquta qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħha. Għalhekk f’din l-ittra talbu għas-sospensjoni tal-operat tal-fabbirka u saħqu li għandha terġa’ tibda topera biss meta u jekk ikun żgurat li mhux se tibqa’ tħalli l-irwejjaħ li qed tipproduċi bħalissa.
L-għaqdiet qalu wkoll li l-qligħ tal-industrija tat-tonn qatt m’għandu jitpoġġa qabel is-saħħa tagħna u l-ambjent li ngħixu fih. Huma wissew li jekk din it-talba sempliċi u ta’ sens komun ma tingħatax widen, ser ikollhom jieħdu azzjonijiet oħra sabiex jaraw li s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu jingħataw il-prijorità li tistħoqqilhom.