‘Tgħollux il-prezzijiet bla bżonn! Importanti li nibqgħu kompetittivi’
Il-Viċi President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Philip Fenech jappella lis-sidien tan-negozji biex meta jiġu biex jgħollu l-prezzijiet ma jesaġerawx u jgħollu biss biex jibqgħu sostenibbli. Fi kliemu dan huwa importanti biex kemm in-negozji imma anke l-pajjiż inġenerali, jibqa’ wieħed kompetittv
minn Yendrick Cioffi
Il-Viċi President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Philip Fenech appella lis-sidien tan-negozji biex ma jgħollux il-prezzijiet bla bżonn biex jassiguraw li kemm in-negozju tagħhom, imma anke s-suq Malti inġenerali, jibqa’ wieħed kompetittiv.
Fenech qal dan f’kummenti mal-gazzetta ILLUM. Bħala l-persuna responsabbli wkoll mill-oqsma tad-divertiment u l-ospitalità, l-ILLUM tkellmet ma’ Fenech dwar l-andament tan-negozju f’dawn l-oqsma fi żmien il-Milied, imma anke dwar x’inhuma l-indikazzjonijiet għax-xhur li ġejjin, anke minħabba l-impatt tal-inflazzjoni.
Fenech beda jfakkar li n-negozji fis-setturi tad-divertiment u anke dawk tal-ospitalità bdew is-sena kważi kważi bix-xejn għax kienu għadhom fis-seħħ diversi restrizzjonijiet minħabba l-pandemija.
Ftit ftit bdew jirrankaw u Malta rnexxielha tattira madwar 80% tat-turiżmu li kellha fis-sena rekord tal-2019. Fil-fatt, jekk fl-2019 żaru Malta madwar 2.7 miljun turist, din is-sena se jkunu żaru Malta madwar 2.1 miljun turist, b’Fenech ifakkar li għal dawn is-setturi, it-turiżmu huwa importanti ħafna.
“Dan kien riżultat tar-reżistenza tal-industrija fejn kulħadd xammar il-kmiem biex iżomm il-pożizzjoni tiegħu fis-suq u anke bis-saħħa tal-għajnuna tal-Gvern u l-banek,” qal Fenech.
Fakkar li s-settur tal-attivitajiet ingrana tajjeb ukoll u semma s-summit tas-SiGMA li sar f’Novembru u li ġab f’Malta 25,000 delegat involuti fil-gaming.
“Dan is-summit seħħ f’xahar mhux popolari mat-turiżmu. Ġew Malta 25,000 delegat li lesti u kapaċi jonfqu. Novembru 2022 x’aktarx li kien aħjar minn dak tal-2019.”
‘Il-klijent aktar minn qabel qed ifittex l-aħjar valur għall-aħjar prezz’
Tkellimna wkoll dwar l-inflazzjoni, b’Fenech jisħaq li l-inflazzjoni importata, bla dubju ta’ xejn, qed ikollha l-impatt tagħha. Fakkar li din ġejja minn ħafna raġunijiet, inkluż il-gwerra fl-Ukrajna imma anke l-pandemija tal-Covid-19, għax fi kliemu, ċertu linji ta’ produzzjoni u anke t-trasportazzjoni għadhom ma ġewx għan-normal.
“Vera li f’Malta l-Gvern qed jissusidja l-fuel u dan qed iżomm l-ekonomija stabbli, imma pajjiżi oħra mhux sejrin daqshekk tajjeb u għalhekk il-prodott minn barra qed jogħla,” kompla Fenech.
Kien hawn li Fenech appella lis-sidien tan-negozju biex ma jgħollux il-prezzijiet bla bżonn bil-għan li kemm huma u anke l-pajjiż jibqa’ kompetittiv.
“Hemm prezzijiet li ma jistgħux ma jogħlewx jekk il-prezz għola minn barra, imma ma nistgħux nesaġeraw jew nabbużaw,” saħaq Fenech. “Ma ninsewx li aħna diġà għandha l-iżvantaġġ li rridu nimportaw il-maġġoranza tal-prodotti. L-appell tiegħi lis-sidien huwa biex jgħollu sa fejn hemm bżonn biex jibqgħu sostenibbli.”
Fenech qal ukoll li anke jekk l-attivitajiet ingranaw u s-settur tad-divertiment u l-ospitalità reġa’ rranka, qed jinnotaw li l-klijent, kemm Malti u anke dak barrani, sar ifittex aktar għall-aqwa valur u kwalità.
“Il-klijent irid isib l-aħjar kwalità bl-aħjar prezz. Issa aktar minn qatt qabel,” kompla Fenech. “Is-suq huwa sensittiv ħafna, kemm dak domestiku imma anke dak turistiku.”
Fakkar ukoll li jista’ jkun li t-turist għandu wkoll inqas flus f’idejh x’jonfoq.
“Nafu x’inhi s-sitwazzjoni fl-Ingilterra u dan huwa l-akbar suq għalina,” fakkar Fenech. “Jekk xi ħadd kellu €2,000 biex jieħu l-familja fuq btala, issa għandu inqas u allura se tonqoslu l-għażla fejn jista’ jmur. Dawk li se jkunu jistgħu jsiefru, se jkunu qed ifittxu aktar il-valur u għalhekk importanti li noffru l-aqwa prodott bl-aħjar prezz.”
Kien hawn li tenna li Malta trid tibqa’ kompettitiva mhux biss domestikament imma anke fis-settur turistiku, filwaqt li rrikonoxxa wkoll li kull negozju għandu l-isfidi u r-realtajiet tiegħu.
‘Proċess twil biex jinġiebu l-ħaddiema barranin mhux jgħin’
Fakkar ukoll li anke minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi u l-proċess twil biex jinġiebu ħaddiema barranin biex jaħdmu, bosta għollew il-pagi biex jevitaw li jitilqulhom aktar ħaddiema u biex iħajru oħrajn.
“Dan ukoll għolla l-prezzijiet ġaladarba sid qed ikollu jħallas aktar. Dan mhux jgħin. Għalhekk importanti li s-sistema għall-permessi tal-ħaddiema barranin tkun aktar effiċjenti għax tispiċċa żżid inflazzjoni ma’ dik li diġà teżisti.”
Milied: ‘Aspetazzjonijiet pożittivi’
Mistoqsi dwar il-Milied, Fenech qal li l-messaġġi huma mħallta. Hemm min hu bbukkjat, hemm min għadu ftit lura imma l-bookings deħlin u hemm min qed jistenna għax in-nies saru jaħsbu għall-aħħar.
“Imma l-aspetazzjonijiet huma pożittivi. Wara sentejn dan se jkun l-ewwel Milied fejn l-istabbilimenti jistgħu jilħqu l-kapaċità massima tagħhom għax ma hemmx distanza soċjali.”
Saħaq li propju għalhekk is-sidien huma ottimisti għax anke jekk l-inflazzjoni hija problema, jekk se jkun hemm ix-xogħol mhux se jirrifjutawh minħabba xi restrizzjoni jew oħra, bħalma kien hemm fl-aħħar snin.
‘Aktar konnettività u aktar attivitajiet ... għandu jkollna sena tajba’
Fid-dawl ta’ dan kollu u anke għax huwa fatt li t-titjiriet qed jogħlew, l-ILLUM staqsiet lil Fenech x’jaħseb li se tkun is-sitwazzjoni fis-sena l-ġdida.
“Il-fjuwil tal-avjazzjoni żdied ukoll. It-turist allura se jkollu t-titjira li se tiswilu aktar u x’aktarx li se jkollu inqas flus f’idejh għax l-inflazzjoni laqtitu f’pajjiżi. Il-lukanda fejn sejjer jista’ jkun li kellha tgħolli l-prezz għax l-ispejjeż għaliha żdiedu. Allura meta tħares lejn l-istampa kollha, se tara li t-turist għandu inqas flus f’idejh u l-prezz tas-safra tiegħu, żdied.”
Irrimarka kif anke l-linji tal-ajru low-cost għollew il-prezzijiet u fakkar f’dak li qal il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair, jiġifieri li spiċċa żmien ta’ biljetti tal-ajru b’€10 jew ftit aktar.
“Għalhekk wieħed irid joqgħod aktar attent meta jiġi biex jgħolli l-prezzijiet,” qal Fenech.
Insista wkoll li kull meta Malta żiedet l-ajruplani, jiġifieri l-konettività tagħha, dejjem rat żieda fit-turist.
“Nafu li s-sena d-dieħla se jiżdiedu aktar ajruplani u dan huwa importanti għax din is-sena kellna 80% tal-konettività li kellna fl-2019,” qal Philip Fenech. “Ma ninsewx li s-sena d-dieħla Malta se tospita attivitajiet kbar bħal Euro Pride f’Settembru. Jekk ikollok aktar ajruplani, se jkollok aktar attivitajiet u allura jidher li se jkollna sena tajba.”
Mistoqsi jekk tinkwetahx is-sitwazzjoni fl-Air Malta, Fenech qal li qed isiru l-isforzi kollha li hemm bżonn u qal li jserraħ rasu meta jisma’ l-Gvern jgħid li l-Air Malta se tibqa’ teżisti.
“Issa jekk tibqax teżisti bħala Air Malta jew taħt forma oħra ma nafx. Imma l-aqwa li jibqa’ jkollna l-linja nazzjonali tal-ajru tagħna,” kompla Fenech. “Huwa pożittiv il-fatt li l-Gvern jidher li qed jaqbad il-barri minn qrunu."