Roderick Cassar wiegħed 'vendetta' f'messaġġ mibgħut qabel id-delitt ta' Bernice

Kollega tal-vittma kien mar għand il-Pulizija b'dan il-messaġġ li Cassar kiteb fuq Facebook għax kien qed jissuspetta li martu kellha relazzjoni miegħu 

Roderick Cassar wiegħed “vendetta” f’post li hu kiteb fuq il-midja soċjali qabel allegatament qatel lil martu Bernice u dan għax hu kien qed jaħseb li qed toħroġ ma’ kollega tax-xogħol.

Dan il-post, li Cassar poġġa fuq Facebook, intwera lill-Pulizija minn kollega ta’ Bernice stess qabel seħħ id-delitt.

Uffiċjal tal-Pulizija qal lill-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni, li l-kollega ta’ Bernice mar b’dan il-messaġġ għax ħass li Cassar kien qed jimmalafamah.

Kien hawn li l-Maġistrat Joseph Mifsud staqsa lill-Pulizja għaliex ma ħadux passi dwar dan il-messaġġ, bl-uffiċjal tal-Pulizija jwieġeb li l-parir li taw lill-kollega ta' Bernice kien biex ifittex parir legali. 

It-tiri ġew sparati mill-viċin

Fil-bidu tas-seduta tal-lum, xehed l-espert mediku Mario Scerri li spjega ż-żewġ feriti li nstabu fuq il-vittma. Fi kliemu, iż-żewġ feriti kienu fatali u mill-eżamijiet forensiċi jidher ċar li t-tiri ġew sparati mill-viċin. 

Qal li t-tir li laqat lill-vittma f’wiċċha kien sparat mill-għonq ‘il fuq u dan juri li l-vittma, x’aktarx kienet qed tinżamm minn għonqha fil-ħin li ġie sparat it-tir.

It-tieni ferita, li kienet f’sider l-vittma, x’aktarx li ġiet sparata meta l-vittma kienet diġà mal-art.

Jidher ukoll li ġie sparat tir ieħor imma dan ma laqatx lill-vittma. 

‘Qtiltha’

Xehdet ukoll mara li kienet taf lill-vittma u anke lil żewġha. Din il-persuna ċemplet minnufih lill-akkużat meta ftit wara d-delitt dan poġġa status fuq Facebook indirizzat lit-tfal u li fih qal li ma setax jgħix mingħajrhom u temm il-messaġġ bil-kliem: “till we meet again.”

Spjegat kif ċemplet lill-akkużat għax beżgħet li kien se jagħmel suwiċidju. Qalet li malli ċemplet, l-ewwel kelma li qalilha l-akkużat kien: “Qtiltha”

Qalet li malli qalilha li kien qatel lil Bernice, bix-xokk li ħadet, il-mowbajl telqitu minn idejha. 

L-akkużat kien qed ifittex għajnuna psikatrika

Xehed ukoll il-psikjatra Beppe Micallef Trigona li eżamina lill-akkużat immedjatament wara l-arrest.

Huwa qal li Roderick kien qed ifittex għajnuna psikatrika minn speċjalist privat u qallu li l-aħħar darba li mar għandu kif f’Ġunju.

Qal ukoll li Cassar kien qed ibati minn claustrophobia u l-fatt li kien qed jinżamm fiċ-ċella kien qed ikompli jżidlu l-ansjetà.

Madanakollu, kompla jgħid il-psikjatra, ma kienx hemm l-ebda raġuni għaliex l-akkużat ma jkunx interrogat. 

Aktar tard waranofsinhar, tat-23 ta’ Novembru, is-Supretendent Keith Arnaud reġa’ għamlet kuntatt miegħu għax is-suspetatt qal lill-Pulizija li kien qed jisma’ l-vuċijiet.

Micallef Trigona qal li reġa’ eżamina lill-vittma u sab li kien qiegħed ibati minn stress qawwi u l-fatt li ma kienx raqad ma kienx qed jgħinu. 

Madanakollu reġa’ kkonferma li l-interrogazzjoni setgħet tkompli. 

More in Politika