'Il-pulizija kien qalli mmur lura d-dar għax nitlef kull ma kelli'

Mara tirrakkonta l-esperjenza mill-aktar kerha ta' vjolenza fuqha u l-ġiri fl-għasses u twissi li jekk mhux se jinbidlu l-affarijiet Bernice ma tkunx l-aħħar vittma li smajna biha...


“Meta nara karozza fit-triq bl-istess għamla u kulur bħal tal-eks raġel tiegħi, qalbi tieqaf għax naħseb li hu.” Hekk qalet b’kuraġġ kbir mara li għaddiet minn esperjenza ta’ vjolenza domestika li tkellmet mal-ILLUM dwar dak li għaddiet minnu hi, kif ukoll nisa’ oħra bħalha. Hija tirrakkonta li hi bħala vittma, qatt ma kienet abbużata fiżikament iżda ġiet mhedda, ingħatat fastidju u ġiet mgħajjra fost affarjiet oħra mill-eks raġel tagħha. 

Marion, isem fittizu hekk kif il-vittma talbet li tibqa’ anonima, filwaqt li rrakkontat l-esperjenza tagħha ta’ dawn l-aħħar sentejn spjegat lill-ILLUM, pass pass il-proċess tal-vittma meta tmur tagħmel ir-rapport sakemm tidħol fil-Qorti u x’inhuma l-akbar sfidi li jiltaqgħu magħhom il-vittmi, ta’ kuljum. Fosthom li f’każ ta’ abbuż fiżiku trid tagħmel ċertifikat mediku, li trid tistenna fil-Qorti fl-istess kamra mal-agressur u aktar. 

L-ewwel pass: Ir-rapport għand il-Pulizija

Marion tispjega illi fil-każ tagħha, madwar sentejn ilu, bdiet il-proċess ta’ separazzjoni minn mar-raġel tagħha. Hija rrakkontat li għandhom tifla u filwaqt li tenniet li qatt ma ġiet imsawwta fiżikament, la hi u lanqas bintha, r-raġel tagħha kellu problema ta’ xorb tant li saħansitra darba kien kisser televiżjoni, bir-riskju li tintalaqt binthom. 

“Il-Pulizija kien qalli biex immur lura d-dar għax jekk ma mmurx nitlef kull ma kelli però b’tifla żgħira bdejt nibża’. Ippakkjajt ħwejġi u tlaqt,” qalet Marion. 

Iż-żmien beda’ jgħaddi u dan il-proċess, bħal kull każ ta’ separazzjoni, kellu ħafna tlajja u nżul. 

Hija qalet li s-sitwazzjoni eskalat meta daħlet f’relazzjoni oħra. Iż-żmien kompla għaddej u Marion għamlet 13-il rapport dwar fastidju u theddid li fosthom kienu jinkludu li se joqtolha u li se jieħu lil binthom. “Għandi kawżi li se jinstemgħu fil-Qorti fl-2024,” żiedet Marion. 

“Riċentament kellna wkoll argument ieħor li fih ma riedx li jagħtini lit-tifla u kien se jsuq fuqi,” qalet Marion. Fuq dan il-każ il-vittma qalet li peress li kien jinvolvi vettura, ma jaqax taħt il-kappa tal-unit tal-vjolenza domestika u allura kellha tirrikorri għand l-għassa tal-Pulizija.

Hija saħqet li xahar wara, fuq dan il-każ baqgħet ma semgħet xejn u meta talbet għall-informazzjoni għarfuha li l-uffiċjal tal-Pulizija li kienet għamlet ir-rapport miegħu ma baqax jaħdem f’dik l-għassa. “Kelli nerġa’ nibda’ l-każ kollu mill-bidu, tajt l-evidenza lil pulizija ġdid, għaddew xahrejn u sa llum għadu qatt ma tressaq l-għassa biex jagħmel l-istatement tiegħu,” qalet Marion. Hija kompliet tispjega li dik hija problema kbira għaliha u għal dawn il-vittmi. 

Marion tenniet li vittma oħra allegat li kienet irrapportat lill-eks sieħeb tagħha hekk kif kellu pistola mingħajr liċenza “madankollu meta marret tagħmel aktar rapporti lill-Pulizija infurmawha li ma setgħux jarrestawh hekk kif l-uffiċjali li kellmuha ma kinux assenjati fuq il-każ tagħha. Qaltli li r-rapporti kienu ħela ta’ ħin.” 

Din il-gazzetta staqsiet aktar dwar il-proċess ta’ rapport u kien hawn li hija qalet li meta wieħed imur jagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fiżika, qabel ma jsir rapport irid isir ċertifikat mediku minn tabib. Hawn l-ILLUM tirrimarka li dan jista’ jagħti l-każ li qiegħed isir bil-għan li jiċċertifika li l-feriti huma kkawżati minn abbuż u mhux magħmula bħala tpattijja kontra xi ħadd. 

Marion tgħid li jekk il-vittmi għandhom jiġu eżaminati, it-tobba jridu jkunu fil-unit u dan għal numru ta’ raġunijiet fosthom biex ma jaqtgħux qalbhom dawk li ma  jsuqux u jridu jmorru f’żewġ postijiet differenti. 

It-tieni pass: Il-proċess tal-Qorti

Hija spjegat li fil-kawżi tal-Qorti meta jkun hemm l-involviment tal-ulied u hemm lok li tintuża evidenza, bħal recordings jew filmati tagħhom, dawn iridu jitilgħu jixhdu. “Jiena kelli recordings ta’ binti iżda irriffjutajt għal kollox li tixhed. Dak mhux post it-tfal, żgur,” kompliet Marion. 

Din il-gazzetta fis-27 ta’ Novembru irrapportat li hija tal-mistħija li s-smigħ ta’ ħafna każi ta’ vjolenza domestika li jiftħu l-vittmi kontra l-agressuri huma skedati għall-2024. Fil-fatt anke kif qalet Marion aktar kmieni hi wkoll għandha kawżi fl-2024. 

Madankollu l-ILLUM tistaqsi dwar x’jiġri meta wieħed jidħol mill-bibien tal-Qrati mill-punto di vista tal-vittma. Hija qalet li l-inkonvenjent jibda’ minn qabel ma tidħol il-qorti. Spjegat li “meta l-marixall imur għand l-agressur biex jagħtih l-ittra li jrid jixhed il-Qorti u ma jsibux id-dar mhux se jħallilu ittra bħalma jagħmlu tal-posta. Trid tibqa’ tiġri wara l-pulizija biex isib l-agressur u kulldarba trid tħallas. Jekk ikollhom id-dettalji ħżiena, hija r-responsabilità tal-vittma li tfittex fejn joqgħod.” 

Apparti minn hekk hija qalet li ma tarax li huwa adegwat li qabel ma r-raġel u l-mara jidħlu fl-awla tal-Qorti tal-Familja, ikollhom jistennew fl-istess kamra flimkien. L-ILLUM tistaqsi jekk ikunx hemm preżenza ta’ pulizija u fil-fatt Marion tgħid li huwa minnu li jkun hemm pulizija preżenti iżda minkejja dan vittma żgur ma tħossiex komda tara l-agressur quddiemha. 

“Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk għax wara Bernice nista’ nkun jien, jew mara oħra jew raġel ieħor. Kien hemm nisa li qaluli li kienu stuprati mill-irġiel tagħhom u li jaħarquhom b’sigaretti. Kien hemm saħansitra mara li r-raġel tefaha mit-taraġ għal isfel,” qalet b’dispjaċir kbir Marion. 

Marion stqarret ukoll mal-ILLUM dwar każ ta’ vittma, omm, li għal snin twal ġiet abbużata mentalment u fiżikament mis-sieħeb tagħha inkluż meta kienet tqila u quddiem uliedhom. Hija qalet li din l-omm spiċċat tgħix ġol-karozza tagħha hekk kif telqet mid-dar beżana’ u spiċċat b’xejn, ta’ fuqha senduqha. 

Għaldaqstant hija temmen li dewmien u inkonvenjezi bħalma għamlet aċċenn għalihom hi qabel tkompli tbigħed lil dawn il-vittmi biex jitkellmu. “Kien hemm każ ieħor ta’ vittma li minkejja li marret għand il-Pulizija, ir-rapporti tagħha allegatament intilfu,” kompliet tgħid Marion. 

It-tielet pass: Il-ħajja wara 

Fl-aħħar ta’ din l-intervista l-ILLUM tistaqsi lil Marion x’effetti jħallu dawk deskritti minnha bħala “inkonvenjenzi tal-mistħija” fil-prassi li tgħix ħajja normali wara li rnexxielha taħrab mill-vjolenza domestika. Għal dan, emozzjonata hija tgħid li minkejja li qatt ma ġiet imsawwta, xorta tibża’. 

Apparti minn hekk hija tgħid li t-tifla tagħha, meta tara lil missierha jgħajjat ma’ Marion, l-għada tirċievi telefonata mill-iskola dwar imġieba ħażina. B’hekk hija tisħaq li l-effett tal-vjolenza domestika hija waħda kbira u li taffettwa lil kull min imiss magħha, “u għalhekk jeħtieġ li nindirizzawha illum qabel għada.” 

More in Politika