Il-Papa Benedittu XVI miet fl-età ta' 95 sena illum is-Sibt, l-aħħar jum tas-sena 2022. Il-Papa Emeritus, li dam fil-kariga għal tmien snin, miet fil-Monasteru tal-Vatikan fejn kien ilu jgħix għal 13-il sena.
Saħħet Benedittu kienet ilha sejra lura, speċjalment fl-aħħar jiem għalkemm ilbieraħ kien aktar stabbli, tant li pparteċipa f'quddiesa f'kamartu stess.
Huwa kien il-265 Papa tal-Knisja Kattolika. Il-funeral se jkun qed jiġi ċċelebrat mill-Papa Franġisku, funeral uniku għal dawn l-aħħar 1,000 sena hekk kif Papa normalment jibqa' fil-kariga sakemm imut. Benedittu iżda kien irriżenja mill-kariga, xi ħaġa li ebda Papa ma kien qatt għamel għal 600 sena.
Joseph Ratzinger twieled fis-16 ta' April 1927 fil-villaġġ żgħir ta' Markt am Inn fil-Ġermanja. Meta kellu 14-il sena kien issieħeb mal-Hitler Youth, xi ħaġa li kienet legalment obbligatorja fil-Ġermanja dak iż-żmien. Fl-aħħar tal-gwerra iżda huwa daħal fis-servizzi tal-ajru.
Matul ħajtu imbagħad Ratzinger kien eżonerat u saħansitra mfaħħar mil-Lhud wara li ddeskriva l-Olokawst bħala "mument tad-dlam."
Wara li studja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università ta' Munich sar qassis fl-1951, flimkien ma' ħuħ Georg, biex imbagħad inħatar Kardinal bejn l-1977 u l-1982.
Dan iż-żmien ta' ħajtu ġie taħt skrutinju hekk kif kien hemm allegazzjoni ta' abbuż mifrux fi ħdan il-Knisja Kattolika, avvenimenti li għamlu ħsara lil-legat u l-immaġini tiegħu u għalkemm kien l-ewwel Papa li ltaqa' ma' vittmi ta' abbuż sesswali mill-qassisin u keċċa 400 qassis, fl-2018 rapport tal-Knisja stess ikkonkluda li fil-Ġermanja biss 3,677 persuna kienet abbużata minn membri tal-Kleru bejn l-1946 u l-2014.