L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal sostna fi stqarrija li jinsab mħasseb dwar il-possibilta’ li jsiru esebizzjonijiet dwar il-kaċċa fl-iskejjel.
"Dawn it-tip ta’ esebizzjonijiet jistgħu, involontarjament, jippromwovu l-użu tal-armi fost it-tfal," sostna l-Uffiċċju li qal illi filwaqt li japprezza l-fatt li l-kaċċa hija passatemp leġġittima, sostna illi din għandha tkun aċċessibbli biss għall-adulti.
"Il-ġenturi għandhom kull dritt li jitkellmu mat-tfal tagħhom dwar dan il-passatemp, dan għandu isir b’mod sigur u adattat għal eta’ tat-tfal. Dawn it-tip ta’ diskussjonijiet għandhom jipprovdu kuntest u gwida għat-tfal u għandna nassiguraw ruħna li jmorru għal kaċċa biss meta jkollhom l-eta’."
L-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal għamilha ċara li m’għandu ebda pożizzjoni jew aġenda dwar il-kaċċa billi din hija barra mill-kompetenza tiegħu iżda biss għandu tħassib u jrid jiżgura li t-tfal ikunu protetti minn kull ħsara fiżika li tista’ tiġi kkaġunata mill-użu ta’ armi.
Il-kaċċaturi jwieġbu....
Intant b'reazzjoni l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu qalet illi hija "perplessa" b'din l-istqarrija u qalet illi meta wieħed jikkunsidra li t-tfal huma esposti għall-qtil permezz tal-armi, kemm fil-logħob tal-Playstation u anke fil-films jew l-aħbarijiet, ma tistax tifhem għaliex l-istess Kummissarju qatt ma kkundannat din it-tip ta' vjolenza wkoll.
L-għaqda qalet li l-iskop tal-esebizzjoni huwa li jkun iċċarat x'inhu sew u le, sigur u le speċjalment fid-dawl ta' dik li jsejħu "sillabu tal-Birdlife fl-iskejjel" u għalliema li "għandhom aġenda iddikjarata kontra l-kaċċa." L-għaqda qalet f'din l-istqarrija pjuttost skajċċanti illi l-Kummissarju, "qabel assumiet u ppagallat opinjoni, messha kienet responsabbli u ċċekkjat il-fatti."
"L-esebizzjoni dwar il-kaċċa, suġġett kompletament nieqes fis-sillabu li fuqu hemm ħafna preġudizzju, hija dwar dak li huwa tajjeb u le, il-kultura u l-benefiċċji, l-aspett kulinarju u anke il-ħidma tal-ambjent," qalet l-għaqda.
Kaċċaturi San Ubertu komplew jgħidu illi l-kaċċatiri għandhom kull dritt li jgħaddu l-passatemp tagħhom lit-tfal b'għaqal, "u lanqas għandhom jingħataw tikketta ta' qattiela, kif jiġu mgħallma fl-iskola."
"Aħjar tiffoka fuq l-indutrinazzjoni fl-iskejjel kontra l-kaċċa, minflok esebizzjoni informattiva li lanqas biss infurmat ruħha dwarha," temmet tgħid l-għaqda.